Lokali

Taħfer lis-sieħeb tagħha wara li attakkaha

Maċedonjan ta’ 40 sena tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello, akkużat li ħebb għall-mara tiegħu waqt li kienet tqila.

L-Ispettur Christian Cauchi xehed kif fil-11 ta’ Marzu li għadda, il-barrani attakka lis-sieħba tiegħu f’San Ġiljan, fejn ħebb għaliha, insultaha u kkaġunalha ġrieħi ħfief.

Fil-Qorti, il-mara li hija omm ta’ tliet itfal u qed tistenna tarbija oħra mill-akkużat, qalet li r-relazzjoni tagħhom bħalissa tinsab f’stat tajjeb.

Hi sostniet li temmen li xi ħadd ta lir-raġel tagħha sustanzi li affettwaw l-imġieba tiegħu, u qalet ukoll li ma riditx protezzjoni mill-Qorti peress li għandha l-intenzjoni tibqa’ tgħix miegħu.

Għaldaqstant, il-Maġistrat Rachel Montebello laqgħet it-talba tagħha u waqqfet il-proċeduri tal-każ, kif ukoll ordnat li ma jiġux ippubblikati l-isimijiet tar-raġel u l-mara.