Lokali

Arti minn Malta tittella’ fl-ispazju

Nhar l-1 ta’ April, fl-4.20 ta’ filgħodu, SpaceX se ttella’ xi xogħol flimkien ma’ astronawti fl-ispazju.

Parti minn dan ix-xogħol jinkludi esperimenti li qed isiru fil-qasam mediku minn tim Malti, fi ħdan l-Università ta’ Malta u Spaceomix. U flimkien ma’ dan kollu, tiela’ wkoll video b’xogħol tal-arti ta’ Etienne Farrell, u l-eks kollega tagħha Mark Mallia li ħalla d-dinja tmien xhur ilu.

Etienne Farrell: “Meta l-kodirettur ta’ Spaceomix, il-Professur Joseph Borg staqsieni jekk nitħajjarx nibgħat xi xogħol jorbita fl-ispazju, ma stajtx nemmen. L-aktar meta speċifika li l-vjaġġ kien sejjer lejn il-polaritajiet tad-dinja fejn jidhru l-Aurora. Sa tmien xhur ilu, jien u Mark konna għaddejin bi preparamenti biex nesibixxu x-xogħol tagħna fejn jidher dan il-fenomenu; proġett li abbandunajt wara li Mark ħalliena. Jgħidu li dak li jkun imnalla ma jħassru ħadd, iżda din li nesibixxi fl-ispazju żgur ma kinitx xi ħaġa li kont qed nistenna.”

Il-video li bagħtet Etienne jinkludi kollaborazzjonijiet li saru bejnha u bejn Mark, flimkien ma’ ritratt li kienu ġibdu għall-esebizzjoni li tellgħu fil-Parlament Ewropew fl-2022, AFTERmath. Din id-darba, bidlitlu ismu għal  ‘Aurora’.