Lokali

“Ħolm biss għandu” – dubji kbar dwar kemm se jaħdmu l-miżuri ta’ Bonett

Fl-aħħar jiem, il-Ministru tat-Trasport, Chris Bonett ħabbar li se jidħlu fis-seħħ numru ta’ miżuri biex suppost jitnaqqas it-traffiku f’pajjiżna. Iżda, din il-preżentazzjoni li saret b’pompa kbira ma niżlet tajjeb xejn man-nies hekk kif kien hemm kritika enormi speċjalment fuq il-mezzi soċjali.

Ħafna saħqu li dawn il-miżuri mhuma se jsolvu xejn għaliex il-Gvern ma provax isolvi l-problema mill-qiegħ nett tagħha. Fil-fatt, bosta fakkru kif il-ħafna problemi li qed jaffetwaw lil pajjiżna bdew mindu bdew ġejjin eluf ta’ barranin jgħixu Malta – mingħajr ebda kontroll ta’ xejn.

Dan apparti l-fatt li jekk se tinħass xi ftit differenza malli l-miżuri jidħlu fis-seħħ, din id-differenza xorta se tisfuma fix-xejn minħabba l-isplużjoni ta’ ħaddiema li nġiebu minn barra.

Taħt Facebook post li tella’ l-Ministru Bonett kienu ħafna dawk li semmew ukoll kif il-miżura dwar il-karozzi klassiċi hi redikola għaliex se jkunu qed imissu d-delizzju ta’ ħafna. Minflok it-tibdil fis-snin ta’ kemm karozza jkollha, id-dilettanti appellaw biex jiżdiedu l-ispezzjonijiet ħalli ma jkunx hemm abbuż.

Rigward it-teħid tal-liċenzja għal ħames snin, ħafna fakkru kif dan ifisser li tul dan iż-żmien kollu wieħed ma jkunx jista’ jsuq la f’pajjiżna u wisq inqas f’pajjiżi barra minn xtutna. U meta wieħed jagħżel li jieħu lura l-liċenzja jkun irid jerġa’ jgħaddi mill-proċedura kollha li jakkwista l-liċenzja mill-ġdid – daqslikieku għandu 18-il sena.

Meta Net News kien staqsa lill-Ministru dwar il-miri li għandu l-Gvern f’dan is-suppost pjan it-tweġibiet tiegħu wrew biċ-ċar kif dawn il-miżuri saru bla ebda pjanar – u ħadd ma jaf fejn jixtiequ jieħdu lill-pajjiżna fix-xhur u s-snin li ġejjin.

Dan apparti li l-metro li kienet imwiegħda b’tant pompa mill-Ministru tat-Trasport ta’ dak iż-żmien, Ian Borg, snin wara għadha fuq l-ixkaffa bla ebda ħjiel meta x-xogħol għaliha se jkun qed jibda, jekk, wara kollox, qatt hux se jibda.