Sport Sport Ieħor

AĠĠORNATA: Il-ħames suċċess tal-Birgu fir-Regatta ta’ Marzu wara li rebħu d-dwell ma’ Bormla u l-Isla

(Ritratt: Catriel Farrugia)

Illum fil-Port il-Kbir issir edizzjoni oħra tar-Regatta tal-31 ta’ Marzu. Id-distretti parteċipanti baqgħu tmienja jiġifieri Birgu, Birżebbuġa, Bormla, Isla, Kalkara, Marsa, Marsamxett u Siġġiewi. L-ewwel tellieqa kienet skedata li tibda fis-1.00pm iżda bdiet tard.

Tellieqa tan-nisa – Frejgatini

Marsamxett rebħu għall-ewwel darba t-tellieqa tan-nisa bil-frejgatini b’mod konvinċenti. Fl-istess waqt hi konferma tal-potenzjal mill-koppja Shazel Grima u Glynis Mizzi li fl-aħħar snin qadfu mad-distrett tal-Birgu. Grima u Mizzi kellhom qadfa konsistenti u f’ħin ta’ seba’ minuti u 45 sekonda, rebħu b’vantaġġ komdu fuq il-frejgatina ta’ Bormla segwiti mill-Birgu.

L-ewwel tellieqa – Tal-Pass b’żewġ imqadef – Kategorija B

Bidu tajjeb f’Kategorija B għad-distrett tal-Isla. Permezz tal-koppja Clayton Azzopardi u Luke Ciantar, is-Sengleani kisbu l-ewwel 20 punt f’Kategorija B. Ir-rebħa meritata hekk kif ħadu l-kontroll tat-tellieqa mill-bidu u setgħu jamministraw kif xtaqu. Minn kmieni kellhom vantaġġ fuq l-avversarji u rebħu b’mod komdu. Il-Birgu daħlet it-tieni filwaqt li l-Kalkara rebħet il-palju tat-tielet b’vantaġġ minimu fuq Marsamxett.

Riżultat – 1. Isla 20 punt, 2. Birgu 12-il punt, 3. Kalkara 6 punti

It-tieni tellieqa – Tal-Midalji – Kategorija A

L-Isla bdiet tajjeb ukoll f’Kategorija A iżda din ir-rebħa waslet b’taqtgħa mill-isbaħ mad-dgħajsa tal-Birgu. Il-qaddiefa tal-Isla Davison Micallef, Glenn Zammit, Russell Bugeja u Andre Gauci kellhom vantaġġ minimu li żdied gradwalment iżda fl-aħħar parti kellhom sfida kbira mill-qaddiefa tal-Birgu li saħansitra marru fuq quddiem għal ftit metri. Madankollu bl-aħħar sforz, l-ekwipaġġ tal-Isla reġa’ mar fuq quddiem fl-aħħar metri qabel il-linja finali u rebaħ b’vantaġġ minimu.

Riżultat – 1. Isla 20 punt, 2. Birgu 12-il punt, 3. Marsa 6 punti

It-tielet tellieqa – Kajjikki – Kategorija B

Dwell mill-isbaħ fit-tellieqa tal-Kajjikki. Kienu l-qaddiefa ta’ Birżebbuġa Jean Claude Cassar u Joseph Pace li għelbu taqtigħa bejn tlieta. Huma qasmu l-linja finali f’sitt minuti u 49 sekonda, b’vantaġġ żgħir mill-qaddiefa tal-Isla Yarik Agius u Denilson Long li b’photofinish daħlu t-tieni qabel Deacon Abela Wilson u Shylon Gauci ta’ Marsamxett.

Riżultat – 1. Birżebbuġa 12-il punt, 2. Isla 8 punti, 3. Marsamxett 4 punti

Ir-raba’ tellieqa – Frejgatini – Kategorija A

Rebħa importanti għal Bormla li bdew jiksbu l-punti fil-kategorija ewlenija. Il-palju tal-ewwel wasal b’mod drammatiku hekk kif Matthia Calleja u Mel Magro qabżu lill-qaddiefa tal-Isla fl-aħħar mumenti wara li għal ħafna mit-tellieqa l-Isla kienu fil-vantaġġ. Wara li ftit ftit bdew inaqqsu d-distakk, il-koppja ta’ Bormla komplew iżidu u temmew b’saħħithom biex rebħu f’sebgħa minuti u żewġ sekondi.

Riżultat – 1. Bormla 12-il punt, 2. Isla 8 punti, 3. Birgu 4 punti

Il-ħames tellieqa – Tal-Midalji – Kategorija B

Matthew Dalli, Steven Dalli, Kevin Camilleri u Malcolm Vella taw l-ewwel 20 punt lil Birżebbuġa hekk kif iddominaw it-tellieqa u rebħu f’ħames minuti u 52 sekonda. Huma rebħu b’vantaġġ tajjeb fuq id-dgħajsa ta’ Bormla filwaqt li l-Isla ħadu l-palju tat-tielet.

Riżultat – 1. Birżebbuġa 20 punt, 2. Bormla 12-il punt, 3. Isla 6 punti

Is-sitt tellieqa – Dgħajjes tal-Pass b’żewġ imqadef – Kategorija A

Bla dubju li din it-tellieqa hi l-aktar waħda kontroversjali sa issa. Fit-tellieqa oriġinali, l-Isla kienu rebħu t-tellieqa segwiti minn Bormla u l-Birgu madankollu Bormla daħħlu protest wara li fil-bidu tat-tellieqa, l-imqadef tal-Marsa u ta’ Bormla tħarbtu f’xulxin b’konsegwenza li Bormla kienu penalizzati fit-tellieqa.

Wara madwar aktar minn siegħa, ġie deċiż li t-tellieqa kellha terġa’ ssir. Madankollu fit-tellieqa, il-qaddiefa tal-Isla, Bormla u l-Birgu ma qadfux bil-qadfa tas-soltu b’sinjal ta’ protesta u dan wassal biex il-qaddiefa tal-Kalkara u s-Siġġiewi spiċċaw jikkompetu waħedhom. Il-Kalkara ħadet il-palju tal-ewwel segwiti b’distakk kbir mis-Siġġiewi.

Riżultat – 1. Kalkara 20 punt, 2. Siġġiewi 12-il punt, 3. 6 punti

Is-seba’ tellieqa – Frejgatini – Kategorija B

Palju tal-ewwel għal Marsamxett bir-rebħ fit-tellieqa tal-Frejgatini. Qadfa konsistenti għal Deacon Abela Wilson u Shylon Gauci li bnew vantaġġ tajjeb gradwalment u sarrfu l-prestazzjoni tagħhom f’rebħa komda. Bormla daħlu t-tieni eżatt qabel Birżebbuġa. L-ekwipaġġ rebbieħ temm it-tellieqa f’seba’ minuti u 24 sekonda.

Riżultat – 1. Marsamxett 12-il punt, 2. Bormla 8 punti, 3. Birżebbuġa 4 punti

It-tmien tellieqa – Kajjikki – Kategorija A

Taqtigħa mill-isbaħ fit-tellieqa tal-Kajjikki. Dwell interessanti bejn Maximilian Mamo u Romario Brignone ta’ Bormla u Kieron Zammit u Sven Refalo tal-Birgu. Finalment kienu l-qaddiefa ta’ Bormla li b’vantaġġ mill-aktar minimu kisbu 12-il punt marbuta ma’ din it-tellieqa. L-Isla ħadu l-palju tat-tielet.

Riżultat – 1. Bormla 12-il punt, 2. Birgu 8 punti, 3. Isla 4 punti

Id-disa’ tellieqa – Tal-Pass b’erba’ mqadef – Kategorija B

Riżultat storiku f’din it-tellieqa hekk kif is-Siġġiewi kisbet palju tal-ewwel għall-ewwel darba fl-istorja. Huma mill-ewwel dehru li jinsabu f’pożizzjoni tajba u rnexxielhom jiddefendu l-pożizzjoni tagħhom minkejja l-isfida ta’ Birżebbuġa, bil-Bormliżi kklassifikaw it-tielet. Minkejja dan ir-riżultat, Birżebbuġa kisbu biżżejjed punti biex jiġu dikjarati rebbieħa ta’ Kategorija B.

Riżultat – 1. Siġġiewi 24 punt, 2. Birżebbuġa 16-il punt, 3. Bormla 8 punti

L-għaxar tellieqa – Tal-Pass b’erba’ mqadef – Kategorija A

Bħal ħafna edizzjonijiet, din it-tellieqa kienet determinanti għal min se jirbaħ Kategorija A. Tellieqa missielta bi dwell bejn it-tliet protagonisti jiġifieri d-disretti tat-tlett ibliet. Finalment kienu l-qaddiefa tal-Birgu li għelbu l-isfida missielta ta’ Bormla u rebħu x-Shield wara li l-Isla kklassifikaw fit-tielet post.

Riżultat – 1. Birgu 24 punt, 2. Bormla 16-il punt, 3. Isla 8 punti

Klassifika Finali ta’ Kategorija B

Birżebbuġa 52 punt, Isla 34 punt, Bormla 28 punt, Siġġiewi 24 punt, Marsamxett 16-il punt, Birgu 12-il punt, Kalkara 6 punti

Klassifika Finali ta’ Kategorija A

Birgu 48 punt, Bormla 40 punt, Isla 40 punt, Kalkara 20 punt, Siġġiewi 12-il punt, Marsa 6 punti