Lokali Saħħa

Investigazzjoni wara ħlasijiet ta’ eluf ta’ ewro f’direct orders

Proġett minnhom spiċċa jiswa' miljun ewro

Nuqqas ta’ dokumenti, ħlasijiet doppji, ebda verifiċi fuq xogħol li ma kienx approvat – din hija s-saga li ddur mal-proġetti li saru f’żewġ Ċentri tas-Saħħa, u li spiċċaw f’nofs kontroversja ġdida. Bil-ġurnal Times of Malta jiżvela każ ġdid ta’ tbażwir fil-fondi pubbliċi, u bil-Ministeru tas-Saħħa iżomm dan l-iskandlu mistur għal sena sħiħa.

It-Times uriet kif ix-xogħol ta’ rinnovar fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal Qormi ġie jiswa’ miljun ewro. Dan meta l-proġett kellu stima ta’ €56,000.

Fl-istess waqt, proġett simili li sar fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Birkirkara spiċċa jiswa’ d-doppju ta’ dak li kien pjana l-Gvern. U minn spiża ta’ €264,000 din splodiet għal nofs miljun.

L-istess ġurnal tkellem dwar ksur fir-regoli tal-public procurement, u anke direct orders li ingħataw bl-addoċċ.

L-investigazzjoni interna sabet li d-Dipartiment tal-Kura Primarja ma mexiex mal-proċeduri u ma ħariġx tenders kif kellu jagħmel għal dawn ix-xogħlijiet – fi kliem sempliċi, qabdu u saru ħlasijiet bl-addoċċ mingħajr ebda pjanar u b’mod li t-Times issejjaħlu “inkompetenti”.