Lokali Unjoni Ewropea

It-trawwim tal-mexxejja futuri jibda llum – MEP Peter Agius

“Huwa d-dmir tagħna lkoll li nxettlu l-interess fil-Politika fost iż-żgħażagħ u nrawwmu l-mexxejja tal-ġejjieni”.

B’dan il-għan, l-MEP tal-PN Peter Agius laqqa’ flimkien grupp ta’ 60 żagħżugħ u żgħażugħa Maltin u anke minn pajjiżi oħra Ewropej fil-Parlament Ewropew, li pparteċipaw f’sessjoni li matulha pprattikaw ix-xogħol ta’ MEP billi ddibattew temi ta’ interess komuni u esperjenzaw il-vot bħala ‘Politiċi għal ġurnata’.

Mal-MEP Agius, ingħaqdu ukoll l-eks MEP Malti Simon Busuttil u l-MEPs mill-Irlanda u l-Lussemburgu Regina Doherty u Martine Kemp.

Is-sessjoni żvolġiet f’waħda mill-aktar interessanti, bil-parteċipanti żgħażagħ ddiskutew temi ta’ interess partikolari għalihom inkluż id-difiża u s-sigurtà fl-Unjoni Ewropeja u anke r-regolamentazzjoni marbuta mal-Medja Soċjali.

Bi gwida mill-MEPs fi ħdan l-EPP, iż-żgħażagħ, ħafna minnhom studenti mill-Universita’ ta’ Malta kisbu għarfien dwar kif isir il-proċess tan-negozjar intern fil-Parlament Ewropew qabel twasslu l-messaġġi u ttieħdu l-voti dwar ir-reżoluzzjonijiet imressqa.

“Il-ħidma tal-MEP ma tiffukax biss kif se nsolvu l-problemi tal-lum, iżda rridu niżguraw li nagħtu kull opportunita’ liż-żgħażagħ biex isiru l-mexxeja Ewropej t’għada billi jkunu ppreparati u ffukati għax b’hekk niżguraw deċiżjonijiet li jkompli jtejjbu l-kwalita’ tal-ħajja taċ-ċittadini fiż-żmien li ġej”, stqarr Peter Agius.