Lokali Qorti

Jingħata il-ħelsien mill-arrest wara ksur tal-kundizzjonijiet

Raġel ta’ 31 sena mill-Ħamrun, tressaq il-Qorti mixli li kiser il-kundizzjonijiet għall-ħelsien mill-arrest li kien ngħata fil-passat.

L-akkużat wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.

Id-difiża sostniet li minkejja l-imgħoddi diffiċli tiegħu, l-akkużat bħalissa miexi lejn ir-riforma.

Żiedet ukoll li wara li ħareġ mill-ħabs, reġa’ beda jmexxi n-negozju tiegħu u qed jagħmel ħiltu biex jerġa’ jibni ħajtu.

Fil-Qorti ġie spjegat li l-imputat kien flimkien mal-lavrant tiegħu, li wara x-xogħol stiednu jiekol xi ħaġa. L-imputat waqaf jixtri u allegatament kiser il-kundizzjoni relatata mal-ħinijiet li fihom seta’ joħroġ mid-dar – ħinijiet li skont id-difiża lanqas hu konxju minnhom.

Min-naħa tagħha, il-prosekuzzjoni kkonfermat li l-imputat qed jagħmel sforz biex jegħleb id-dipendenza fuq id-droga, u qablet mad-difiża dwar it-tentattivi tiegħu ta’ rijabilitazzjoni.

Il-Qorti aċċettat it-talba tad-difiża għall-ħelsien mill-arrest, iżda ordnat li l-imputat jħallas depożitu ta’ €500 u jingħata garanzija personali ta’ €2,000.