Il-Ġunta militari fi Myanmar iddikjarat ġimgħa ta’ luttu nazzjonali fost dikjarazzjoni li ‘il fuq minn 2,000 tilfu ħajjithom fil-pajjiż b’kaġun tat-terremot terribbli ta’ nhar il-Ġimgħa li rreġistra ‘il fuq minn seba’ fuql-Iskala Richter.
Sadanittant, is-sitwazzjoni fid-diversi zoni milquta għadha ddisprata, bin-Nazzjonijiet Uniti tappella b’urġenza għall-fondi ekwivalenti ta’ għaxar miljun ewro għall-impenji ta’ fejda fi Myanmar. Dan meta l-gruppi tal-għajnuna qed iwissu dwar żieda fil-kriżi umanitarja f’dan il-pajjiż mifni bi gwerra u fejn l-isptarijiet ma jistgħux ilaħħqu mal-influss ta’ midruba.
Bħalissa, it-toroq tal-ibliet u l-villaġġi li ġarrbu l-agħar tat-terremot huma dominati bir-riħa tal-katavri tal-vittmi tat-terremot u l-arja tqila tal-mewt.
Dan ukoll meta l-kapijiet militanti tal-Ġunta għadhom għaddejjin bl-attakki mill-ajru fuq il-gruppi tar-reżistenza armata bħala parti mill-kumbattimenti fil-pajjiż li ihom għal erba’ snin.
Sadanittant, it-terremot tal-Ġimgħa ħalla anki ‘il fuq minn 20 vittma fit-Tajlandja u meta fl-aħħar sigħat, eluf ta’ nies f’Bangkok kienu evakwati mill-bini dikjarati fi stat ta’ periklu b’konsegwenza tat-theżżiż tal-art.
Dan waqt li, fil-kapitali, kienet għaddejja ħidma urġenti biex isalvaw mat-80 ħaddiem fil-qasam tal-kostruzzjoni u li ntradmu wara li parti minn bini high rise ċediet direttament għal fuqhom…Intant, l-awtoritajiet għall-emerġenzi, fl-aħħar sigħat, ma kienu qed jirrappurtaw l-ebda sinjali ta’ ħajja f’dik iz-zona speċifika.
//= $special ?>