Lokali

Żagħżugħ ta’ 27 sena nstab fil-pussess ta’ 20 pjanta tal-kannabis

F’operazzjoni konġunta bejn sezzjonijiet differenti tal-Pulizija f’Għawdex, Ġermaniż ta’ 27 sena ġie arrestat b’rabta ma’ kultivazzjoni tal-pjanti tal-kannabis, f’ammont li huwa aktar milli tippermetti l-liġi.

Wara sorveljanza fuq residenza fi Triq ix-Xjuf ir-Riħ, in-Nadur, dalgħodu l-Pulizija, permezz ta’ mandat, daħlu ġewwa u sabu kamra armata b’apparat relatat mal-kultivazzjoni tad-droga. Fil-kamra instabu madwar 20 pjanta tal-kannabis ta’ kull daqs, żrieragħ tal-istess droga kif ukoll oġġetti oħra relatati mal-kultivazzjoni tal-kannabis.

Il-Maġistrat Simone Grech ġiet infurmata bis-sejba u ħatret inkjesta.

Filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin, ir-raġel qiegħed jinżamm arrestat u mistenni jitressaq il-Qorti fil-jiem li ġejjin b’akkużi relatati ma’ dan il-każ.