Malta u l-Olanda għandhom relazzjonijiet tajba, u għandhom valuri simili ħafna li jkomplu jsaħħu din ir-relazzjoni.
Dan kien il-qofol tal-messaġġ li ħareġ waqt il-laqgħa li kellu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech mal-ambaxxatriċi tal-Olanda f’Malta Djoeke Adimi-Koekkoek.
Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ukoll Beppe Fenech Adami, ix-Shadow Minister għall-Affarijiet Barranin, kif ukoll Beppe Galea, is-Segretarju Internazzjonali tal-Partit Nazzjonalista.
Iż-żewġ naħat iddiskutew l-isfidi simili li qed jaffaċċjaw bħala pajjiżi Ewropej; fosthom l-għoli tal-ħajja u l-overpopulation.
Huma tkellmu wkoll dwar l-impatt tat-tariffi Amerikani l-ġodda, kif ukoll dwar it-tħassib tagħhom rigward is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani.
