Fuq talba tal‑Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex, Caritas Malta f’kollaborazzjoni ma’ Caritas Internationalis, qed tappella għal donazzjonijiet ta’ flus b’risq il‑poplu tal-Myanmar li bħalissa għaddej minn tbatija kbira minħabba t‑terrimot qawwi li laqat lil dan il-pajjiż fil-jiem li għaddew. Din hi inizjattiva li l‑Knisja f’Malta qed tieħu biex tgħin lil dan il‑poplu.
Aktar minn 2,700 persuna mietu u ’l fuq minn 4,500 persuna ndarbu fit-terremot ta’ saħħa 7.7 fuq l-iskala Richter li laqat iċ-ċentru ta’ Myanmar, bl-epiċentru f’Sagaing. Eluf ta’ persuni oħra sfaw bla saqaf fuq rashom, bla ilma u ikel u bi bżonn ta’ ħafna mediċina, xelters ta’ emerġenza u faċilitajiet sanitarji.
Il-qawwa ta’ dan it-terremot nħasset fil-pajjiżi tal-madwar hekk kif inħass ukoll theżżiż fit-Tajlandja, il-Bangladesh, iċ-Ċina u l-Indja.
Caritas Malta qed tappella għad-donazzjonijiet biex permezz ta’ Caritas Internationalis tingħata l-assistenza tant meħtieġa f’dan il-pajjiż speċjalment għall-aktar bżonnijiet bażiċi.
Caritas Malta qed tappella għad‑donazzjonijiet biex permezz ta’ Caritas Internationalis tingħata l‑assistenza tant meħtieġa f’dawn il‑pajjiżi.
L‑għajnuna se tissarraf f’ikel, ilma, akkomodazzjoni u oġġetti għall‑iġjene personali, bl‑aktar immedjat tkun sejħa għall‑ikel u wkoll kenn f’postijiet għal min tilef kollox.
Donazzjonijiet ta’ flus jistgħu jsiru f’dawn il‑kontijiet bankarji:
HSBC: MT22MMEB44897000000089021513051
BOV: MT78VALL22013000000040023270071
APS: MT31APSB7704600089010489011015
Min juża l-internet banking ta’ dawn il-banek jista’ wkoll juża l-faċilità ‘Transfer to Third Party’. Għal min juża l-BOV Mobile App jista’ jibgħat id-donazzjoni permezz tal-Pay a Bill Function u fid-description jikteb ‘Myanmar’.
Tista’ wkoll issir donazzjoni permezz ta’ mobile to mobile number ta’ BOV u APS fuq in-numru 79011655 u jiġi indikat li d-donazzjoni hi għal Myanmar.
Id-donazzjonijiet jistgħu wkoll jintbagħtu b’ċekk (il-banek isarrfu biss ċekkijiet ta’ €21 ’il fuq) pagabbli lil Fondazzjoni Caritas Malta – Emergency Aid Fund, indirizzat lil: Caritas Community Centre, Emergency Aid Commission Triq Mountbatten, il-Ħamrun, ĦMR 1577. Wieħed jista’ jgħaddi wkoll personalment f’Caritas Community Centre, Triq Mountbatten, il-Ħamrun u jħalli d-donazzjoni tiegħu.
Id-donazzjonijiet jistgħu jingħataw ukoll lill-kappillani fil-parroċċi biex jgħadduhom lil Caritas Malta.
Id-donazzjonijiet jistgħu jingħataw sad-9 ta’ Mejju 2025.
Min jixtieq iktar dettalji dwar kif jista’ jgħin lil Myanmar jista’ jċempel fuq 22199000.

