Lokali Qorti

Daniel Joe Meli jingħata l-ħelsien mill-arrest

Daniel Joe Meli, ta’ 28 sena minn Ħaż-Żabbar, ingħata l-ħelsien mill-arrest b’rabta ma’ akkużi ta’ hacking illegali fuq dark web. L-avukati li qed jassistu lil Daniel Joe Meli kienu ppreżentaw diversi talbiet għall-ħelsien mill-arrest wara li l-prosekuturi ddikjaraw li ma kellhomx aktar evidenza x’jipproduċu b’rabta mat-talba għall-estradizzjoni lejn l-Istati Uniti.

Huwa qed iwieġeb mhux ħati li biegħ malware illegali fuq id-dark web u ta servizzi ta’ mentoring fuq dak li jissejjaħ ‘hack forum;. Meli kien ilu arrestat għal madwar 12 il-xahar b’rabta ma’ dan il-każ. Il-Qorti preseduta milnn Maġistrat, laqgħet it-talba għal ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonjiet.

Meli ġie ordnat jiffirma kuljum l-Għassa ta’ Ħaż Żabbar, jirtira ġewwa d-dar fejn joqgħod mhux iżjed tard mit-8pm u ma joħroġx qabel 6am, jiddepożita s-somma ta’ €8,000 u garanzija personali ta’ €20,000.

Meli inizjalment ta l-kunsens għall-estradizzjoni soġġetta għar-regola tal-ispeċjalità li kienet tfisser li seta’ jiffaċċja prosekuzzjoni biss għal dawk ir-reati elenkati fit-talba tal-awtoritajiet Amerikani.

Iżda ftit wara, megħjun minn avukati ġodda, ippreżenta proċeduri quddiem il-Qorti Kostituzzjonali fejn sostniet li l-ewwel Qorti kellha tiżgura ruħha li kien fi stat ta’ moħħ sod biżżejjed meta jagħti l-kunsens tiegħu.

Meli kellu storja twila ta’ problemi psikoloġiċi u mediċi flimkien mad-dipendenza fuq id-droga. Professjonisti mediċi, meta mħarrka biex jixhdu fil-kawża kostituzzjonali, iddeskrivew lil Meli bħala “brillanti ħafna” iżda li jsofri minn “ansjetà soċjali kbira” u “stima personali baxxa ħafna”.

Il-Maġistrat Caruana ordna lill-ġenituri ta’ Meli joqgħodu terz garanti għalih bis-somma ta’ €5,000 kull wieħed.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mis-Supretendent Mario Cushieri u l-Ispettur Robinson Mifsud. Meli qed jidher assistit mill-Avukati Franco Debono, Arthur Azzopardi u Marion Camilleri.