Lokali Qorti

Erba’ snin ħabs wara li kkaġuna l-mewt ta’ mara f’ħabta ‘head on’ fl-Imġarr

Godfrey Zammit ta’ 48 sena, residenti San Pawl il-Baħar u li huwa magħruf sew mal-Pulizija, ġie kkundannat erba’ snin ħabs wara nstab ħati li bi traskuraġni u sewqan perikoluż ikkaġuna l-mewt ta’ mara ta’ 45 sena mill-Mosta.

Il-każ kien seħħ fl-20 ta’ Awwissu tal-2017 Triq Temi Zammit l-Imġarr għall-ħabta tat-3.15pm. Il-vittma, li mietet fuq il-post fiż-żmien l-inċident kienet omm ta’ tifel ta’ tliet snin, li fortunatament ma kienx magħha dakinhar. Gambin instab ħati wkoll li kkaġuna ġrieħi gravi lil Billy Joel Zammit.

L-Ispettur tal-Pulizija Denise Camilleri, li waslet l-ewwel fuq il-post qalet lill-Qorti li rċeviet telefonata li kien seħħ inċident tat-traffiku fi Triq Temi Zammit, l-Imġarr. hija qalet lill-Qorti li l-karozza misjuqa mill-akkużat kienet mqaluba u li rat lil Gambin miksi bid-demm. Turner, li kien fis-seat tal-passiġġier, ġiet iċċertifikata mejta fuq il-post.

Camilleri rat ukoll karozza Mazda Demio fuq il-bankina fin-naħa opposta tat-triq. Il-vettura kienet ta’ Billy Joel Zammit li wkoll weġġa’ gravi fil-ħabta. L-Ispettur Camilleri qalet li Zammit sostna li kien qed isuq fit-triq li tagħti għall-Imġarr u f’daqqa waħda ra karozza qed tinstaq fid-direzzjoni opposta lejh fl-istess karreġġjata.

Zammit qalilha li kien tard wisq biex jevita l-vettura li kienet għaddejja b’veloċità lejh, u rriżulta f’ħabta ‘head on’. Meta xehed fl-inkjesta maġisterjali, Zammit qal ukoll lill-Qorti li l-vettura tal-akkużat baqgħet dieħha fih, u li mal-impatt, il-windscreen tal-karozza tiegħu tfarrak u l-vettura tiegħu daret darbtejn qabel spiċċat fuq il-bankina tan-naħa l-oħra tat-triq.

It-Tlieta filgħodu, il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo kkundannat lill-akkużat erba’ snin ħabs, multa ta’ €11,600 u ssospendietlu l-liċenzja għal tliet xhur. Fis-sentenza tagħha l-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo qalet li minkejja li r-reat huwa involontarju, xorta huwa wieħed serju ħafna u għalhekk ħasset li fiċ-ċirkostanzi, kellha tingħata piena karċerarja.

Il-Qorti fis-sentenza tagħha li tat piż konsiderevoli għall-fatt li l-għemil ta’ Zammit mhux biss wassal għall-mewt tal-vittma, iżda meta kien qed isuq ma kienx qed jirrealizza li kellu arma f’idejh għall-mod kif kien qed isuq.

Il-karozza tat-tip Mazda Demio kienet qed tinstaq fid-direzzjoni lejn l-Imġarr meta għal xi raġuni ħabtet mal-karozza fejn kien hemm il-koppja. Bl-impatt, il-karozza tal-koppja daret u nqalbet fuq ġenb sa ma spiċċat tistrieħ ma’ ħajt ta’ għalqa.

Fil-karozza tal-koppja nstab pushchair, u għal xi ħin dan nissel biża’ li fil-karozza seta’ kien hemm xi tarbija. Iżda wara tfittxijiet li saru mill-Pulizija fl-għelieqi li hemm fil-viċinanzi, ġie stabbilit li t-tifel tal-vittma, u li għandu tliet snin, fil-ħin tal-inċident kien qed jinżamm minn waħda mill-qraba tal-vittma.

Il-koppja kienet qed tattendi għal attività soċjali f’Għajn Tuffieħa. Is-sewwieqa taż-żewġ karozzi kienu ttieħdu immedjatament l-isptar, il-mara mietet fuq il-post u għal xi ħin, offriet sfida għall-uffiċjali tas-sigurtà biex jirkupraw il-katavru tagħha.

Fil-fatt, kien wara li l-karozza nqalbet lura f’postha li l-katavru tagħha ġie rkuprat u ttieħed minn fuq il-post permezz ta’ vann tal-Pulizija.

L-Ispettur Godwin Scerri mexxa l-prosekuzzjoni.