minn Victor Camilleri
Eks Editur ta’ In-Nazzjon u Il-Mument
Minn hawn u ftit snin oħra, il-Knisja Kattolika mistennija jkollha l-ewwel Eks Prim Ministru ta’ nazzjon dikjarat qaddis u dan wara li fl-aħħar ta’ Frar li għadda ntemm il-proċess imsejjaħ ‘djoċesan’ li fih ikunu studjati bir-reqqa l-virtujiet u l-episodji fil-ħajja ta’ ALCIDE DE GASPERI, li għal ħafna snin mexxa l-Italja wara t-Tieni Gwerra Dinjija.
Alcide de Gasperi kien wieħed mill-fundaturi ewlenin tad-Demokrazija Kristjana Taljana, ispirata mill-famuż Don Sturzo, hekk kif intemmet il-gwerra diżastruża li minħabba fiha l-Italja spiċċat f’rovina totali.
Dan il-politiku demokristjan kien eżempju kontinwu għall-poplu tiegħu u l-aktar kwalità li baqa’ magħruf għaliha kienet li hu ma kienx iħares lejn il-politika bħala mezz ta’ poter iżda strument li permezz tagħha jkun ta’ servizz.
De Gasperi twieled fi Trentino Alto Adige fit-3 ta’ April 1881, u miet fid-19 ta’ Awwissu 1954. Hu kien Prim Ministru fi gvernijiet suċċessivi bejn l-1945 u l-1953. F’dak l-istess perjodu kemm-il darba kien ukoll il-Ministru tal-Affarijiet Barranin ta’ pajjiżu. Proprju f’dawn iż-żewġ rwoli ħadem bis-sħiħ lejn Ewropa magħquda permezz tal-Komunità Ekonomika Ewropea, li wara saret dik li llum hi l-Unjoni Ewropea.
Wieħed mill-akbar kollaboraturi tiegħu, Giulio Andreotti, kien qal li De Gasperi kien għalihom għalliem ta’ dak kollu li hu tajjeb iżda l-aktar dwar kif il-politiku għandu dejjem ifittex il-kompromess u l-medjazzjoni.
Il-fama ta’ raġel qaddis kienet ilha tiċċirkola sa minn meta kien għadu ħaj u xejn ma kienet sorpriża li bl-inizjattiva tal-Kurja ta’ Trento, fl-1993 beda l-proċess tal-Beatifikazzjoni tiegħu li issa jidher li dan mhuwiex wisq fil-bogħod.
L-għeluq tal-fażi djoċesana tal-Kawża tal-Beatifikazzjoni
Fit-28 ta’ Frar li li għadda, fil-Palazz Appostoliku tal-Lateran f’Ruma, saret is-sessjoni tal-għeluq tal-inkjesta djoċesana dwar il-ħajja, il-virtujiet erojċi, il-fama ta’ qaddis u s-sinjali tas-Serv t’Alla Alcide de Gasperi, missier ta’ familja, politiku u Prim Ministru tal-Italja.
Ir-rit tal-għeluq kien presedut mill-Kardinal Baldassere Reina. Dan il-proċess kien inbeda mit-Tribunal Ekkleżjastiku tal-Arċidjoċesi ta’ Trento iżda bi ftehim mad-Dekasteru tal-Kawża tal-Qaddisin kien trasferit għad-Djoċesi ta’ Ruma fejn De Gasperi qatta’ l-biċċa l-kbira ta’ ħajtu.
It-Tribunal li mexxa l-inkjesta djoċesana kien magħmul minn Monsinjur Giuseppe D’Alonzo, delegat episkopali, Don Andrea de Matteis, promotur tal-ġustizzja, u minn Marcello Terramain, nutar.
Il-postulatur tal-kawża ta’ beatifikazzjoni u kanonizzazzjoni hu Dott. Paolo Vilotta.
L-atti kollha proċesswali, magħluqin u siġillati, kienu mgħoddija lil Dott. Vilotta li kien maħtur biex iwassal dawn id-dokumenti kollha lid-Dekasteru tal-Kawżi tal-Qaddisin fil-Vatikan.
F’din l-okkażjoni, il-Kardinal Reina għamel diskors li fih eżalta l-kwalitajiet ewlenin ta’ De Gasperi u qal li fil-qadi ta’ dmirijietu dan il-politiku fehem li ċ-ċavetta biex ikunu garantiti l-paċi u l-istabbiltà kienet il-koperazzjoni ġenwina bejn l-istati Ewropej.
Din il-viżjoni tiegħu tal-Ewropa kienet alternattiva b’saħħitha u li tħares ’il quddiem fil-konfront ta’ dak li kien seħħ fis-snin koroh tal-gwerra bil-pajjiżi kollha jħarsu internament b’mod egoistiku.
“De Gasperi kien jgħix il-fidi tiegħu b’koerenza u mhux b’mod artifiċjali, u dan kien isostnih bit-talb u l-meditazzjoni,” qal il-Kardinal Reina.
Tliet Kattoliċi eżemplari fundaturi tal-UE
Tliet persunaġġi kunsidrati bħala l-fundaturi ewlenin tal-Unjoni Ewropea huma Alcide De Gasperi, Robert Schuman u Konrad Adenauer. Dawn it-tliet politiċi eminenti Ewropej kienu Kattoliċi li jgħixu u jipprattikaw ir-reliġjon li jħaddnu. Kattoliċi fil-veru sens tal-kelma u mhux sempliċiment ‘prattikanti’.
Tant dawn it-tlieta kienu għexu ħajja eżemplari li wara mewthom, it-tlieta kienu b’xi mod qed ikunu kunsidrati biex wara proċessi bir-reqqa, u wara li jilħqu l-kriterji kollha rikjesti, jittellgħu fuq l-artali għall-qima tal-poplu.
Is-Serv t’Alla Alcide De Gasperi jinsab fl-istadju ta’ stħarriġ qabel ikun dikjarat Beatu, Robert Schuman (Franċiż) hu, bħalissa, dikjarat ‘Venerabbli’, waqt li Adenauer (Ġermaniż) ukoll qed ikun studjat għall-virtujiet li għex bihom meta kien qed jaqdi r-rwol politiku tiegħu.
Il-qofol tal-messaġġ ta’ Casperi
Fil-25 ta’ Ottubru li għadda, kien jaħbat is-70 anniversarju tal-mewt ta’ Alcide De Gasperi u għal dik l-okkażjoni saret kommemorazzjoni fil-Kamra tad-Deputati tal-Italja fejn De Gasperi serva bħala membru għal ħafna snin. It-tema ta’ din il-kommemorazzjoni kienet dik li ddistingwiet lil De Gasperi tul ħajtu kollha: Paċi, Prosperità, Patrija.
F’dik l-okkażjoni, barra diskorsi mill-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, fosthom il-President Mattarella, id-diskors ewlieni sar minn Roberta Metsola, il-President tal-Parlament Ewropew, li rreferiet għall-eredità politika u morali ta’ De Gasperi u kemm din hi rilevanti għaċ-ċirkostanżi ta’ żminjietna.
Barra l-membri tas-Senat u tal-Kamra tar-Rappreżentanti kien hemm preżenti wkoll Paola De Gasperi, l-iżgħar mill-erba’ ulied ta’ Alcide, u neputijiet tiegħu.

■ ALCIDE DE GASPERI miet f’Sella di Valsaguana fi Trento, il-bel li tant kien iħobb. Jingħad li tant kien bniedem li ma jagħmilx għall-flus, li l-familja ma kellhiex mezzi biex tagħmillu funeral xieraq u kien għalhekk li ngħata funeral statali. Hu midfun fil-Bażilika ta’ San Lorenzo Fuori le Mura f’Ruma – L-iskrizzjoni bil-Latin tgħid: Jalla d-dawl etern jiddi fuqu li tant ħabb il-paċi u lil pajjiżu.

Roberta Metsola titkellem ma’ Paola De Gasperi waqt il-kommemorazzjoni tas-70 anniversarju mill-mewt ta’ dan l-istatista ewlieni Taljan li mexxa lil pajjiżu lejn il-qawmien ekonomiku u soċjali wara s-snin twal u tqal tal-gwerra.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tnejn 31 ta’ Marzu, 2025.
//= $special ?>