Alex Borg, PN
Ix-Shadow Minister għal Għawdex Alex Borg qal fil-Parlament li Għawdex għandu bżonn bidla fid-direzzjoni u għandu bżonn gvern ta’ kulħadd u mhux gvern tal-klikka tal-ministru. Għawdex għandu bżonn gvern tal-Għawdxin.
Alex Borg qal li għall-Gvern Laburista, Għawdex mhuwiex prijorità u spjega li hemm numru kbir ta’ nuqqasijiet. Il-gvern ivvota budget miżeru li juri li Għawdex hu minsi b’allokazzjonijiet li jonqsu kull budget. Hu semma’ t-turiżmu u qal li dan hu kruċjali għal Għawdex biex jiġġenera l-ekonomija Għawdxija.
Alex Borg sostna li l-gvern qed jonqos mill-kwalità f’Għawdex minkejja li jgħid li qed jiżdiedu n-numri ta’ turisti. Għawdex mhux qed jattira l-kwalità ta’ turiżmu u hemm diskrepazzjoni bejn in-numru ta’ ljieli li t-turisti jgħaddu f’Malta u f’Għawdex fejn il-medja ta’ ljieli f’Għawdex hi ta’ bejn jumjen u tlett ijiem meta f’Malta din hi ta’ bejn ħamsa u sitt ijieli.
Il-kwalità trid tkun trattata wkoll fin-niċeċ turisti proprju minħabba l-esiġenzi ta’ Għawdex. Għawdex m’għandux imur għat-turist tal-massa u għandu jidħol f’niċeċ bħal dawk tal-għaddasa li mhuwiex sfruttat bl-aħjar mod.
Settur ieħor hu dak tal-meditazjzoni u tas-saħħa mentali tal-ħaddiema barranin li jiġu Malta bħala turisti ta’ kwalità. Jeħiteġ pjan ħolistiku dwar trails ta’ direzzjoni ċara, il-gastronomija Għawdxija, is-saħħa speċjalizzata, l-isport u l-iżvilupp sostenibbli. Fil-budget m’hemm l-ebda riferenza għal Għawdex bħala gżira tal-villaġġi, sostna Alex Borg, li kompla li l-iżvilupp sostenibbli għandu jkun ikkunsidrat b’mod pożittiv iżda bħalissa qed isir żvilupp bla rażan, bla pjan u bla viżjoni.
Hi appella biex il-Pjan Lokali għal Għawdex ikun ikkunsidrat għaliex dan ilu ma jinbidel mill-2006. Meta semma’ t-trasport f’Għawdex, Alex Borg saħaq fuq l-importanza tal-interkonnettività bejn Malta u Għawdex.
Id-deputat Nazzjonalista qal li l-MEP Peter Agius ikkummissjona rapport dwar il-fondi Ewropew li jistgħu jintużaw għat-trasport biex issir flotta ġdida ta’ vapuri elettriċi jew hybrid bejn Malta u Għawdex biex ikun hemm servizzi aħjar.
Alex Borg tkellem dwar il-Gozo Channel u qal li l-flotta kollha għandha tkun ikkunsidrata biex ikun hemm flotta ġdida fuq medda ta’ snin biex il-konnettività bejn Malta u Għawdex tkun b’saħħitha u ma tkunx mhedda. Gvern Nazzjonalista ġdid jara li jkun hemm l-investiment fi flotta ġdida u jkun introdott is-servizz bejn Għawdex u l-Belt għall-merkanzija.
Minbarra dan, hemm il-fast ferry li kellha effetti pożittivi, sostna Alex Borg, li semma l-qagħda tat-terminal ġdida għall-fast ferry f’Għawdex u spjega kif din il-wiegħda għadha ma saritx. Il-gvern għadu ma tkellimx dwar din is-sitwazzjoni diffiċli għall-passiġġieri, sostna Alex Borg, li kompla li għandu jkun diskuss ukoll jekk għandux ikun hemm link permanenti bejn Malta u Għawdex.
Meta tkellem dwar iż-żgħażagħ u l-edukazzjoni, Alex Borg qal li ħafna żgħażagħ qed jippreferu jitilqu minn Malta u Għawdex milli jibqgħu f’pajjiżna. Jeħtieġ ikun hemm inizjattivi biex dawn jibqgħu f’Malta u f’Għawdex, qal Alex Borg, li kompla li l-Gozo Innovation Hub falla għaliex ma attirax industrija ta’ kwalità. Dan falla għaliex ma jistax ikun li l-Ministru għal Għawdex jitlobhom €5,000 fix-xahar għal kamra li fiha bilkemm joqogħdu ħames ħaddiema fiha. Dan mhuwiex it-tip ta’ investiment li Għawdex għandu bżonn.
Dwar il-proġetti kapitali, Alex Borg qal li n-nefqa kapitali għal Għawdex naqset minn €20 miljun għal €15-l miljun. Dan meta t-toroq jinsabu fi stat diżastruż. Hu qal li qed jippjana li jressaq mozzjoni privata dwar l-infrastruttura għal Għawdex.
Diversi proġetti kapitali fosthom il-breakwater ta’ Marsalforn, il-Qorti ta’ Għawdex, it-triq madwar ir-Rabat Għawdex u l-isptar ġdid f’Għawdex baqgħu ma sarux. Hu semma’ kif il-poplu Għawdxi kien tradut minn Vitals u minn Stewards li ngħataw konċessjoni mill-gvern. Alex Borg qal li skont il-Ministru tas-Saħħa, fl-ewwel fażi ta’ din is-sena suppost kellha titlesta l-ewwel fażi tal-Isptar ta’ Għawdex iżda s’issa għad m’hemm l-ebda proġett li tlesta jew li l-gvern tkellem fuqu.
//= $special ?>