Il-ġuri dwar traffikar ta’ kważi 2,000 pillola ecstacy riesaq lejn tmiemu wara li fil-ġurnata tat-Tlieta l-prosekuzzjoni u d-difiża bdew bis-sottomissjonijiet finali tagħhom fil-każ ta’ Rio Micallef mill-Marsa, David Tabone min-Naxxar, u Darren James Vella minn Birkirkara li jinsabu akkużati bit-traffikar tad-droga pilloli ecstasy lura fl-2008.
Huwa mistenni li fil-jum tal-Erbgħa, l-Imħallef tagħmel l-indirizz tagħha lill-ġurati biex wara tibgħathom jiddeliberaw il-każ. l-Prosekutur Godwin Cini, meta għamel is-sottomissjonijiet tiegħu lill-membri tal-ġurija, għamel referenzi kostanti għad-data estratta mill-mobiles tal-akkużati li nstabu mal-arrest tagħhom, kif instema’ qabel fil-Qorti.
Huwa qal lill-membri tal-ġurija li l-profili tat-telefonati estratti mill-mobiles ta’ Rio Micallef u David Tabone jaqblu mat-telefonati li nstabu fuq it-telefon ta’ Darren James Vella. Il-prosekuzzjoni semmiet id-diversi telefonati skambjati fost it-tliet akkużati fil-jiem ta’ qabel il-ftehim tad-droga u lejlet l-arresti.
Min naħa tagħha d-difiża qalet li l-prosekuzzjoni ma rnexxiliex tipprova l-każ’ tagħha u li saru ħafna nuqqasijiet fl-investigazzjoni. Il-ġuri dwar traffikar ta’ droga li kien ġie pospost f’Settembru li għadda, beda jinstema’ t-Tnejn, 24 ta’ Marzu waranofsinhar fejn tlett irġiel qed jiġu akkużati li ttraffikaw kważi 2,000 pillola ecstasy fl-2008.
Il-ġuri, ippresedut mill-Imħallef Edwina Grima, Rio Micallef qed jaffaċċja akkuża addizzjonali li kellu fil-pussess tiegħu 1,940 pillola ecstasy b’valur ta’ €18,624, filwaqt li Tabone jinsab akkużat ukoll li kellu fil-pussess tiegħu pilloli MDMA u kokaina. Il-każ imur lura għal Settembru tal-2008, meta t-tliet akkużati ġew arrestati wara s-sejba ta’ kunsinna sostanzjali ta’ ecstasy.
Il-prosekuzzjoni qed tallega li Micallef kellu jgħaddi d-droga lil Tabone u Vella f’garaxx f’Birkirkara proprjetà ta’ Vella. Sms’s interċettati wasslu biex isir magħruf li Tabone u Vella kellhom il-ħsieb li jbigħu d-droga lil diversi terzi persuni għal profitti sinifikanti.
Fil-15 ta’ Settembru 2008, sorveljanza tal-Pulizija osservat lill-akkużati jiltaqgħu fil-karozzi tagħhom barra l-Butterfly Bar f’Birkirkara qabel ma marru għall-garaxx fi Triq il-Knisja l-Qadima. Malli ndunaw li kienu qed jiġu segwiti, Micallef ipprova jaħrab iżda nqabad mill-Pulizija.
Vella u Tabone ġew arrestati wkoll, b’Tabone nstab fil-pussess ta’ €9,330 u mwieżen elettroniku li kien fih traċċi ta’ kokaina u ecstasy. Żewġ boroż li kien fihom 1,940 pillola ecstasy, ġew rkuprati minn vann ta’ Micallef.
Instabet droga addizzjonali fuq il-persuna ta’ Tabone.
Għall-akkużi miġjuba kontrihom, it-tliet imputati qed iwieġbu mhux ħatja.
L-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali hu rappreżentat mill-prosekuturi Kevin Valletta, Godwin Cini u Danica Vella. L-akkużati rappreżentati mill-Avukati Josè Herrera u Alex Scerri Herrera għal Rio Micallef; Arthur Azzopardi u Jacob Magri għal David Tabone; u Michael Sciriha u Matthew Xuereb għal Darren James Vella.