Ambjent Lokali

Il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi jmexxi proġett Ewropew dwar l-ambjent

Bejn is-27 u t-28 ta’ Marzu beda l-proġett ‘EchoGreen’ immexxi mill-Kunsill Lokali tass-Siġġiewi bil-parteċipazzjoni ta’ 14-il Kunsill Lokali u NGO oħrajn minn madwar l-Ewropa.

Dan il-proġett, iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea taħt il-fond CERV, huwa intiz sabiex il-parteċipanti jaqsmu flimkien prattiċi tajbin li diġà qed jiġu implimentati f’irħula madwar l-Ewropa fejn tidħol is-sostenibbiltà u l-proġetti ambjentali kemm fiz-zoni urbani u dawk rurali. Waqt din l-inizjattiva titqajjem għarfien dwar l-użu tal-enerġija, ir-riciklaġġ kif ukoll tagħti spazju lill-ekonomija cirkolari.

Il-parteċipanti qasmu flimkien l-isfidi li l-komunitajiet tagħhom isibu ma’ wiċċhom b’mod partikolari dawk fil-qasam tal-infrastruttura sostennibbli u tal-enerġija rinnovabbli. Matul dawn il-ġranet, qasmu numru ta’ ħsibijiet mal-parteċipanti, ma’ Eve Borg Bonello, kelliema f’isem l-Oppozizjoni għat-Tibdil fil-Klima, kif ukoll ic-CEO tal-Awtorità għall-Azzjoni dwar il-Klima, l-Ingineer Abigail Cutajar.

Is-Sindku tas-Siġġiewi Julian Borg saħaq li proġetti bħal dawn mhux biss jgħinu sabiex jitgħalmu minn ħaddieħor imma jservu wkoll sabiex dawn il-komunitajiet Ewropej jersqu iktar qrib xulxin. Kompla billi jħeġġeġ aktar Kunsilli Lokali f’Malta jidħlu għal dawn il-proġetti għaliex b’hekk ikunu jistgħu jagħtu iktar ħajja u jgħollu l-livell tal-Kunsilli Lokali tagħhom.

Matul dan il-proġett, il-parteċipanti għamlu żjara uffiċjali lill-Eċċellenza tagħha l-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono kif ukoll lit-tfal fl-iskola primarja tas-Siġġiewi. Dan il-proġett ġie magħluq permezz tal-iffirmar tal-qbil ta’ koperazzjoni bejn l-ibliet fis-sala tal-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi u kunċert mużikali fil-Knisja Arċipretali San Nikola bis-sehem ta’ tliet mużicisti Siġġiwin, it-Tenur Joseph Aquilina, il-Mezzo Sopran Nicole Vassallo u l-organista Mark Vassallo.

It-tieni parti tal-proġett ‘EchoGreen’ ser titkompla f’Settembru fl-Ungerija, bil-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi jibqa’ l-moderatur fid-diskussjonijiet.