Internazzjonali

Il-Libanu: Il-qawwiet tal-ajru Iżraeljani jikkonċentraw mill-ġdid l-attakki fuq is-siti tal-Ħeżbollah f’Bejrut…

Karozzi li kienu maqbuda fit-traffiku fil-waqt tal-isplużjoni

Il-militar ta’ Iżrael għamilha ċara li għandu jkompli jattakka z-zoni tal-Libanu fejn il-militanti Xiti tal-grupp Ħeżbollah  qed jippjanaw u jappoġġjaw l-aggressjoni ‘potenzjali u imminenti’ fuq iċ-ċivili Iżraeljani.

L-istqarrija ngħatat wara li l-qawwiet tal-ajru Iżraeljani, matul il-lejl tat-Tnejn, wettqu attakk speċifiku fuq is-subborgi tan-nofsinar tal-kapitali Lebaniża Bejrut. Attakk li ħalla numru ta’ mejtin u midruba f’sitwazzjoni li qed thedded il-ftehim għall-paċi fraġli li kien intlaħaq f’Novembru bejn Iżrael u l-Ħeżbollah, li hu alleat ewlieni tal-Iran.

L-attakk fuq iz-zona ta’ Dahieh, fil-fatt, kien it-tieni wieħed fi kwistjoni ta’ ġranet u meta mifhum li l-militanti tal-Ħeżbollah għandhom preżenza qawwija fl-inħawi.

L-Iżraeljani, fl-aħħar sigħat, qalu li l-militar tagħhom ikkonċentraw l-attakki fuq sit fejn kien residenti aġent ewlieni tal-Ħeżbollah li kien qed jgħin lit-terroristi tal-Ħamas f’Gaza biex iwettqu ‘l-attakki kbar’ fuq iċ-ċivili f’Iżrael.

U filwaqt li l-grupp Ħeżbollah ma kkummentax, il-President tal-Libanu, Joseph Aoun, ikkundanna l-attakki tal-Iżraeljani bħala azzjonijiet perikolużi li kapaċi jeskala t-tensjoni u l-vjolenza kontinwa f’dik il-parti tal-Lvant Nofsani.

Il-Prim Ministru Lebaniż. Nawaf Salam, ukoll ikkundanna l-aħħar attakki fuq Bejrut – li seħħew mingħajr l-ebda twissija – bħala ‘abbuż sfaċċat’ tal-ftehim għall-waqfien mill-ġlied. Dan waqt li kienu qed jiċċirkulaw il-filmati ta’ bini, f’Bejrut, li kważi nqered għal kollox mill-missili tal-Iżraeljani.

Il-kelliema għall-militar Iżraeljan qalu li l-qawwiet tagħhom, permezz tal-attakk fuq Bejrut, irnexxielhom joqtlu lil Hassan Ali Mahmoud Bdeir, li kien persuna influwenti fil-Ħeżbollah u kollaboratur mal-Ħamas. Qed jingħad li Bdeir, sa riċentement, kien mexxa u għen lit-terroristi ta’ Gaza fl-ippjanar ta’ sensiela ta’ azzjonijiet qattiela – biċ-ċivili Iżraeljani bħala mira.

Fl-istess ħin, il-kelliema qalu li kellhom bilfors jirreaġġixxu għat-theddida immedjata u jeliminaw lil Bdeir ‘fil-post fejn kien qiegħed’.

Fil-fatt, l-Iżraeljani – minkejja l-ftehim għall-waqfien mill-ġlied – ma żammewx lura, fl-aħħar xhur, milli jwettqu l-attakki mill-ajru fuq persuni u miri li qed jgħidu huma konnessi mal-Ħeżbollah. Dan bħala impenn biex il-militanti Xiti ma jerġgħux jarmaw u jorganizzaw ruħhom mill-ġdid bħala parti minn strateġija tal-gwerra kontinwa kontra Iżrael.