Lokali Sport

Il-maratona ta’ 160km minn Miguel Mifsud

Matul il-jum tat-Tlieta, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech flimkien max-Shadow Minister tal-Isports David Agius iltaqgħu ma’ Miguel Mifsud li se jagħmel maratona b’risq il-Caritas.

Mifsud kien diġà għamel maratona ta’ 100 kilometru s-sena li għaddiet madwar Malta. U din is-sena hu qed jirritorna b’maratona oħra ta’ ġiri, din id-darba b’mira li jagħmel 160 kilometru; ekwivalenti ta’ 405 dawra, f’24 siegħa.

Din il-maratona se tibda s-Sibt 5 ta’ April mill-11am ‘il quddiem, u se ssir fil-grawnd tal-futbol ta’ San Alwiġi,f’B’Kara.

Matul il-laqgħa mal-Kap tal-PN, Miguel Mifsud spjega li din se ssir fi grawnd sabiex ikunu jistgħu jiġu iżjed nies jagħtu d-donazzjoni tagħhom, kif ukoll biex jipparteċipaw f’parti minn din il-maratona.

Hu spjega wkoll ir-riskji ta’ din il-ġirja, fosthom il-fatt li kull 25 dawra se jkollu jbiddel id-direzzjoni sabiex ma jweġġax.

Miguel Mifsud qal li hu qed jagħmel dawn il-ġirjiet b’risq il-Caritas minħabba li fil-passat, Miguel kien għamel żmien ta’ riabilitazzjoni fiċ-Ċentru Terapewtiku ta’ San Blas biex jikseb ħajtu lura minn dipendenza ta’ numru ta’ snin fuq sustanzi.

U issa hu qed jiddedika ħajtu biex jgħin lil dawk il-persuni li qed iħossuha diffiċli biex joħorġu mill-vizzju tad-droga.

Bernard Grech u David Agius awguraw lil Miguel Mifsud għal din l-isfida li se tkun qed issir għal kawża tant ġusta, nhar is-Sibt li ġej.

Ritratt: Martin Agius