Il-Belt Valletta m’għandhiex titneżża’ minn siġra li għandha mijiet ta’ snin u li ilha titgawda minn ġenerazzjonijiet, biex twitti t-triq għal substation.
Il-Partit Nazzjonalista jappella biex jinstabu soluzzjonijiet li jagħmlu sens u mhux soluzzjonijiet faċli a skapitu tal-wirt u l-ambjent.
Il-Kunsillieri Lokali tal-Partit Nazzjonalista fil-Belt Valletta jopponu bis-sħiħ it-tqaċċit ta’ Siġra tal-Fikus li qiegħda fuq iz-zuntier tal-Konkatidral ta’ San Ġwann biex taħtha tkun tista’ tinbena substation. Biex titneħħa din is-siġra protetta huwa meħtieġ permess ambjentali li għadu ma nħariġx min-naħa tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA.
Filwaqt li l-Kunsillieri jifhmu l-bżonn ta’ substation, ifakkru li s-siġar ta’ quddiem il-Konkatidral għandhom aktar minn sinifikat wieħed: huma simbolu ta’ kontinwità fil-belt storika tagħna u għandhom funzjoni importanti ekoloġika minħabba li jservu bħala post fejn iqattgħu l-lejl eluf ta’ Zizka Bojod – għasafar li jidħlu jorqdu f’dawn is-siġar fil-Belt Valletta bejn Ottubru u Marzu. Kull sena mal-15,000 Zakak Abjad ifittxu kenn għal-lejl f’dawn is-siġar tal-Belt. Dan hu l-istess għasfur li kien intlaqat ħażin meta ġew miżbura s-Siġar tal-Fikus fil-Pjazza tal-Mosta.
It-tneħħija ta’ waħda minn dawn is-siġar tfisser il-qerda permanenti ta’ parti mill-estetika ta’ madwar il-Konkatidral, il-qerda ta’ post ta’ serħan għal eluf ta’ għasafar u l-qerda ta’ aktar siġar f’pajjiżna.
Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jaqbel ma’ kull tisħiħ li jista’ jsir fil-provvista tal-elettriku, dan ma jistax isir bi sfreġju lejn dik li hi parti mir-ruħ tal-belt kapitali tagħna.
Il-Belt Valletta hija wirt dinji tal-UNESCO u kull intervent li jsir għandu jsir b’għaqal u b’viżjoni.
Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-awtoritajiet biex jerġgħu jikkunsidraw il-pjan u jsibu soluzzjoni atlernattiva li tħares kemm il-wirt tagħna kif ukoll l-ispazji ħodor. Il-Partit Nazzjonalista jemmen li dan hu possibbli b’aktar kreattività u ppjanar xieraq.
Il-Kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista jibqgħu jħaddnu politika li tirrispetta l-istorja u tħares l-ambjent għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.
Din mhijiex għażla dwar siġra waħda. Din hi għażla dwar it-tip ta’ pajjiż li nixtiequ ngħixu fih.
//= $special ?>