“L-ewwel għaffġu. Issa jridu lill-poplu jsewwi l-ħsara li għamlu”.
“Paroli biss. Il-Gvern stess ġab il-problema b’idejh biż-żieda fil-popolazzjoni”,
“Il-problema tat-traffiku mhux se titnaqqas. In-nies li se jċedu l-liċenzja huma l-inqas li jużawha.”
Dawn huma biss ftit mill-mijiet ta’ kummenti li ħallew in-nies fuq il-meidja soċjali, wara s-suppost pjan għat-traffiku li ħabbar il-Ministru Chris Bonett – pjan li kif ikkonferma hu stess, m’għandu ebda miri speċifiċi.
Wara l-preżentazzjoni tal-Ministru tat-Traffiku, ħafna kienu dawk li irrimarkaw kif fl-aħħar snin il-Gvern ippermetta l-karozzi bil-pjanċi ‘Y’ jiżdiedu bla kontroll. Oħrajn qalu li l-Ministru lanqas jaf x’inhu jgħid.
Kien hemm ukoll kummenti fuq il-fatt li l-Gvern m’għandux pjan fit-tul u mhux joffri alternattivi – bħall-proġett tal-metro li tħalla fuq l-ixkaffa.
Persuna partikolari qalet li mil-lista sħiħa ta’ ideat li semma’ l-Ministru, tal-ġbir tal-iskart biss taf tħalli effett. Iżda mill-bqija, lanqas waħda ma ġab żewġ.
Fost il-kummenti spikkaw reazzjonijiet varji ta’ nies li ttimbraw lill-Ministru bħala “inkompetenti”. U oħrajn li jinsabu rrabjati ferm għal kif mexa mad-dilettanti tal-karozzi klassiċi.
Dan hekk kif jinsabu imxebbgħin għall-mod li bih il-Gvern attakka direttament lilhom billi żied b’ħames snin il-kundizzjonijiet biex wieħed jirreġistra vettura bħala klassika.
//= $special ?>