Mara u żewġha ngħataw ‘il fuq minn €17,000 f’danni wara li Qorti żammet lil kumpanija u lix-xufier tagħha responsabbli għall-ġrieħi li ġarrbet meta ntlaqtet minn fork lifter f’Lulju tal-2017, madankollu, il-mara ġiet attribwita wkoll 10 fil-mija tat-tort.
Sylvia Borg u żewġha, Francis Borg, ħarrku lil Alfsons Enterprises Ltd u lil John Farrugia fuq inċident li seħħ fl-10 ta’ Lulju 2017 meta ntlaqtet minn fork lifter li kien qed jinstaq minn dan tal-aħħar. L-intimati fil-każ sostnew li l-inċident kien ikkawżat mill-mara stess.
Dakinhar, il-mara kienet ma’ żewġha fil-karozza tagħhom. Hu waqqafha quddiem Alfsons Enterprises Limited fi Triq Manuel Magri fil-Ħamrun, li hija triq one-way, u qasmet it-triq u daħlet fil-ħanut. Borg qalet lill-Qorti li xtrat tliet oġġetti mill-ħanut, ħallset u ħarġet fuq il-bankina tfittex lil żewġha.
Il-mara qalet li kienet ħarset kemm lejn ix-xellug kif ukoll lejn il-lemin tagħha qabel qasmet it-triq biex terġa’ tmur lura lejn il-karozza. Francis Borg kien ipparkjat fuq in-naħa l-oħra aktar ‘l isfel mill-ħanut. Il-mara niżlet, rat fork lifter li qalet li “ma kienx miexi” u qasmet meta ma kienx hemm karozzi ġejjin minn quddiem.
Madanakollu ma rnexxilhiex tasal in-naħa l-oħra, hekk kif ħasset li kienet intlaqtet u spiċċat mimduda f’nofs it-triq kaġun tal-fork lifter mgħobbi b’pellet ta’ 120 kaxxa ta’ Gatorade. Żewġha semagħha tgħajjat u l-mara, li fil-perjodu tal-inċident kellha 55 sena, spiċċat fil-kura intensiva.
B’kollox sarulha erba’ operazzjonijiet. Il-mediċi kkonkludew li l-inċident ħallietha b’23 fil-mija diżabbiltà permanenti, li 15 fil-mija minnhom kienu psikoloġiċi wara li żviluppat diżordni posttrawmatika. Is-sewwieq, li huwa wkoll direttur fil-kumpanija, qal li kellu liċenzja u kien ilu jsuq fork lifters għal xi 40 sena u kellu wkoll liċenzja rilevanti.
Farrugia qal li ma rax lill-mara taqsam it-triq hekk kif kienet ħarġet minn bejn żewġ karozzi pparkjati. Insista li kien qed isuq bil-mod u kien se jżomm ħarsa barra mill-ġnub peress li ma setax jara t-triq quddiemu minħabba t-tagħbija.
Francis Borg qal lill-Qorti li kellu jieqaf jagħmel sigħat over-time fuq ix-xogħol għax kellu jieħu ħsieb martu. Ir-raġel, li huwa gwardjan tal-ħabs, kellu jitlob permess biex ma jingħatax dmirijiet żejda. Dan eventwalment kellu impatt finanzjarju fuqu u fuq is-saħħa mentali tiegħu. Huwa eventwalment tkeċċa f’Ġunju 2018.
Borg qal li Farrugia kien irranġa miegħu u talbu jżur lil martu l-isptar, iżda dan irrifjuta, fejn qal li ma kinitx f’pożizzjoni li tara lil ħadd. Ir-raġel tal-mara qal ukoll lill-Qorti li l-kumpanija laħqet biex tfittex soluzzjoni barra l-Qorti u tevita li tippreżenta każ.
Il-Qorti fil-kunsiderazzjonijiet tagħha attribwit 10 fil-mija tat-tort lill-mara, talli assumiet li l-fork lifter ma kienx miexi. Qal ukoll li Farrugia ma żammx ħarsa sew meta saq il-fork lifter. Ħadet ukoll li mir-rapport tal-espert li joħroġ li x-xufier għandu jkollu lil xi ħadd jassistih peress li ma setax jara x’qed jiġri quddiemu.
“Kieku kien hemm persuna wieqfa fuq il-bankina, dan l-inċident kien jiġi evitat għalkollox,” osservat il-Qorti. Il-Qorti, ippreseduta mill-Imħallef Joanne Vella Cuschieri, tat total ta’ €17,334.58 lill-koppja f’danni.
Il-konvenuti ġew ordnati wkoll iħallsu 90 fil-mija tal-ispejjeż tal-Qorti, bl-10 fil-mija li jifdal jitħallsu mill-koppja.
L-avukati Arthur Azzopardi u Clive Gerada assistew lill-koppja. Għall-kumpanija u x-xufier deher l-Avukat Edward Gatt.
//= $special ?>