Rebekah Borg, PN
Ix-Shadow Minister għall-Ambjent Rebekah Borg qalet fil-Parlament li l-ambjent u l-ippjanar għandhom jimxu flimkien; iżda dan mhuwiex jitwettaq.
Rebekah Borg qalet li l-ambjent hu dak li jagħmel lil Malta u lil Għawdex dak li huma u għalhekk jinkludi l-estetika, il-baħar u l-arja. Hi kompliet li kull inizjattiva taffettwa l-ambjent inkluż l-enerġija u l-infrastruttura.
Għalhekk irid ikun hemm policies b’sinerġija iżda l-gvern mhux jagħti importanza dwar dan, tant li l-Ministeru għall-Ambjent jippubblika policies li ma jkunux rikonuxxuti minn ministeri oħra.
Fost dawn hemm il-konsultazzjoni dwar il-ħruġ tal-permessi dwar proġetti ħodor fejn il-problema hi li qed isiru ħafna affarijiet dwar l-ambjent meta dan ma jkunx impoġġi fiċ-ċentru.
Id-deputat Nazzjonalista kompliet li dawn il-proġetti ma jistgħux ikunu suċċess meta ma jkunx hemm involviment tal-NGO u l-pubbliku. Dan proprju għaliex dawn qed jitwarrbu mill-proċess ta’ konsultazzjoni. Dan il-proċess ma japplikax ukoll għal Project Green li issa se jagħmel ukoll rwol ta’ regolatur.
Hi semmiet is-sitwazzjoni ta’ Kemmuna u qalet li fl-2021 kien sar xogħol illegali bla permessi tal-Awtorità tal-Ippjanar u tal-ERA. Dan meta Kemmuna hi zona protetta. L-Ombudmsan kien qal li dan ix-xogħol irid jitranġa lura iżda s-sitwazzjoni baqgħet kif inhi u jidher li mhijiex se tinbidel.
Anki minkejja d-dikjarazzjonijiet ta’ diversi ministri, is-sitwazzjoni tidher li mhijiex se tinbidel. Hu mistenni li n-numru ta’ umbrellel u deck chairs jitnaqqas biex il-poplu jkun jista’ jgawdi din il-gżira. Fl-2020 l-ERA qalet li qed tagħmel studju dwar kemm tiflaħ nies Kemmuna iżda s’issa ma kien pubblikat xejn. Dan hu importanti biex isir pjan għal Kemmuna.
Id-deputat Nazzjonalista qalet li r-rekord tal-Ministru Ian Borg meta kien responsbabli minn Infrastructure Malta hu dak li tqaċċtu numru kbir ta’ siġar u ttieħdet art agrikola għal skopijiet ta’ proġetti.
Dwar l-ippjanar, Rebekah Borg qalet li f’dan is-settur m’hemm l-ebda sinerġija bejn l-ippjanar u l-ambjent meta dawn suppost jaħdmu flimkien. Il-gvern kien qal li l-ambjent għandu jkollu vuċi iktar b’saħħitha iżda fil-verità llum lanqas biss ikun ikkunsidrat fil-kuntest tal-ippjanar.
Rebekah Borg kompliet li fl-2023, il-Prim Ministru kien qal li se jirranġa s-sitwazzjoni dwar l-appelli dwar bini biex ma jitħalliex ikompli jinbena meta jkun hemm deċiżjoni tal-Qorti. Iżda wara sentejn għadu ma tħabbar xejn f’din ir-riforma, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li qalet li l-bini llegali xorta għadu tiela’.
Hi tkellmet dwar kif jittieħdu d-deċiżjonijiet tal-ippjanar fejn l-ambjent mhuwiex ikun rispettat u sar problema għaliex qed jitkisser. Jeħtieġ li l-ambjent jerġa’ jiddaħħal fl-ippjanar biex l-Awtorità tal-Ippjanar ma ssirx awtorità tal-permessi.
Rebekah Borg kompliet li l-NGOs għadu jkollhom iktar rappreżentanza fl-awtoritajiet waqt li l-ERA jkollha veto u r-rappreżentant tagħha jkollu sostitut biex dan ikun hemm dejjem jista’ jattendi għal laqgħat waqt li l-ERA tkun dejjem rappreżentata. Il-gvern għadu ma qal xejn dwar il-proposta tal-PN għad-dritt fundamentali għall-ambjent mressqa mill-PN u qed iwarrabha. Jeħtieġ ukoll miżuri dwar dawl eċċessiv; liema dawl jista’ jikkawża issues ta’ saħħa. L-istess dwar l-encroachments u l-ħsejjes esaġerati fejn il-gvern mhu jagħmel xejn.
Id-deputat Nazzjonalista qalet li jeħtieġ azzjonijiet biex l-ilma tax-xorb ikun tal-ogħla kwalità u tkellmet dwar l-issue tad-drenaġġ fejn qalet li l-gvern daħħal avviż legali dwar l-ilma tat-tieni klassi iżda minnu l-gvern neħħa z-zoni sensittivi. Dan hu inkwetanti ħafna għaliex kien hemm sentenza tal-Qorti Ewropea li qalet li d-drenaġġ f’Malta mhuwiex qed jiġi trattat kif suppost u li dan qed jintrema’ fil-baħar. Il-problema li wasslet għal dan kienet minħabba li l-impjanti mhumiex ilaħħqu.
Rebekah Borg sostniet li Malta għandha obbligu li tagħmel sorvelja tad-drenaġġ trattat iżda dan mhuwiex qed isir. Hi appellat lill-gvern biex ikun hemm estenzjoni tal-impjant tal-Qammieħ għaliex din qed taħdem iktar minn dak suppost. Is-soluzzjonijiet m’għandhomx jinstabu b’detriment tal-ambjent u tal-bdiewa.
Hi qalet li Malta mhijiex timxi mad-direttivi l-ġodda tal-UE u sosntiet li problema oħra hi l-iskart u l-inċineratur. Dan hu proġett ta’ €600 miljun li għandu diversi problemi bil-konsegwenza li l-miżbla qed tkompli tikber. Gvern Nazzjonalista kien ħareġ bl-idea tal-inċineratur iżgħar milli qed ikun propost biex sal-2022 dan ikun lest iżda Gvern Laburista ma żammx ma dawn il-pjani. Dak iż-żmien l-PL kien qal li l-inċineratur ma kienx tajjeb.
Id-deputat Nazzjonalista kompliet li wara dan, suppost kien hemm studju tal-impatti ambjentali iżda waqqgħu l-offerti għal darbtejn u kien dikjarat li kien hem konflitt ta’ interess fil-porċess. Hi sostniet li fil-green walls f’diversi lokalitajiet, il-gvern falla għax ma kellux proposti u ħela €1 miljun.
//= $special ?>