Internazzjonali

L-Ukrajna: Sinjali li Zelensky irid jisfida lil Putin b’mandat popolari… u jerġa’ aktar qawwi

L-aħħar rapporti minn Kiev indikaw li l-President Ukren, Volodymyr Zelensky, jista’ qed iħejji għal elezzjonijiet ġodda li kapaċi anki jsiru f’Lulju jekk kemm-il darba l-kundizzjonijiet kollha jippermettu għal dan il-proċess.

L-indikazzjonijiet huma li Zelensky irid li l-elezzjonijiet isiru bħala sfida diretta lill-President tar-Russja, Vladimir Putin, li ilu jgħajjar lill-Mexxej Ukren bħala ‘President illeġittimu’. U jekk l-elezzjonijiet fl-Ukrajna jsiru tassew, ma hemm xejn li għandu jżomm lil Zelensky milli jaċċerta minn tieni mandat ‘qawwi’.

Intant, ir-rapporti qalu li Zelensky għadda direttivi lill-Uffiċjali fi Kiev biex jippreparaw għall-elezzjonijet waqt laqgħa li saret matul il-ġimgħa li għaddiet.

Dan meta l-Istati Uniti – il-medjatur ewlieni fil-gwerra tal-Ukrajna mar-Russja – qed tittama f’waqfien mill-ġlied totali sal-aħħar tax-xahar jew il-bidu ta’ Mejju. Ladarba dan iseħħ, l-Ukrajna tkun tista’ tikkanċella l-istat tal-liġi marzjali (fl-artijiet tagħha) li hu pass importanti biex il-vot ikun jista’ jsir.

Fil-fatt, l-istat tal-liġi marzjali fl-Ukrajna għandu jeskadi fil-5 ta’ Mejju u dment li l-Parlament fi Kiev ma jivvutax biex jestendi l-perjodu.