Kultura

Maratona ta’ nostalġija fit-Teatru Manoel

Gruppi mużikali subien fil-Kunċert Annwali tal-Għid

Il-Programm ta’ Tagħlim u Parteċipazzjoni tat-Teatru Manoel, TOI TOI, se jkun qiegħed jippreżenta nid-19 sal-21 ta’ April, il-Kunċert Annwali tal-Għid tagħhom, għall-familja kollha. It-tema ta’ din is-sena se tkun L-Istorja tal-Mużika ta’ Gruppi Mużikali Subien (The History of Boy Band Music) f’ċelebrazzjoni nostalġika li se tinkludi fiha minn Boyzone sa BTS.

Il-Kunċert Annwali tal-Għid ta’ TOI TOI joffri spazju fil-kalendarju sabiex il-familja tingħaqad flimkien f’esperjenza kollettiva, filwaqt li ġġib flimkien l-ixjeħ u l-iżgħar membri tal-komunitajiet tagħna fi spazju wieħed sabiex igawdu ftit mużika live fis-sbuħija tat-Teatru Nazzjonali Malti.

Kunċerti preċedenti koprew varjetà ta’ temi, bħat-teatru mużikali u Disney, li pprovdew repertorju li seta’ jitgawda minn ġenerazzjonijiet differenti. Dan jagħmel din l-attività waħda adattata perfettament għall-familja kollha. Din is-sena, TOI TOI se jkunu qegħdin joħduna b’nostalġija lura fiż-żmien b’tema marbuta ma’ gruppi mużikali subien. It-TOI TOI Boy Band se tkun qed ittella’ spettaklu bil-prestazzjoni ta’ sensiela ta’ kanzunetti spettakolari, waħda aqwa mill-oħra. Dawn se jkunu akkumpanjati b’orkestra live taħt id-direzzjoni tal-Maestro Edward Mifsud, bil-koreografija ta’ Warren Bonello u d-direzzjoni ġenerali ta’ Kate Fenech Field.

Dan il-Kunċert tal-Għid tat-TOI TOI huwa rrakkomandat għal kull min hu minn ħames snin ’il fuq, u jesplora l-istorja ta’ gruppi mużikali subien u l-mużika popolari b’xejra speċjali: It-TOI TOI Boy Band tinkludi tmien artisti teatrali inkredibbli; uħud minnhom huma artisti magħrufin sew fix-xena tal-ispettaklu, filwaqt li oħrajn għadhom kif ippenetraw ix-xena bi kbir: Michaela Agius, Rambert Attard, Andrew Buhagiar, Luigi Buhagiar, Faye Mallia, Tezara Saliba, Neville Refalo u Noel Zarb. Dawn se jkunu akkumpanjati minn ensemble orkestrali.

Bħala parti mill-isforz li jingħataw opportunitajiet lil artisti żgħażagħ fuq il-palk prinċipali, kull skrivanija se tkun qed tinkludi mużiċist żagħżugħ. Il-programm tal-avveniment se jinkludi mużika minn gruppi mużikali subien magħrufin, ibda mill-Beatles sa BTS, u oħrajn bejniethom.

TOI TOI huwa l-Programm ta’ Tagħlim u Parteċipazzjoni tat-Teatru Manoel, u hija fergħa tat-Teatru Nazzjonali ddedikata sabiex tintroduċi udjenzi żgħar għall-arti performattiva, filwaqt li tiżviluppa, trawwem u tappoġġja talent artistiku kemm bi proġetti fi ħdanha kif ukoll permezz ta’ proġetti ta’ sensibilizzazzjoni għal kull età.

Il-programm jesplora l-materja tas-suġġett u kif din tista’ tibqa’ kulturalment relevanti u waħda li tarrikixxi l-edukazzjoni, permezz ta’ għadd ta’ stili varji ta’ mużika, drama u żfin. Il-prodott artistiku jkompli jikber permezz ta’ repertorju stabbilit, u dan apparti x-xogħol ikkummissjonat minn artisti esperti fil-qasam, li jipproduċu prestazzjonijiet li jiġbdu n-nies lejhom u jżommuhom attenti, maħsubin sabiex iġiegħlu lill-udjenza tirrifletti, tistaqsi u titħasseb.