Lokali Qorti

Mixli li fera ħafif lil martu

Raġel ta’ 48 sena min-Naxxar wieġeb mhux ħati li kkaġuna ġrieħi ħfief lil martu u li heddidha bi vjolenza. L-Ispettur Cachia qal lill-Qorti nhar it-Tlieta li argument verbali eskala għal wieħed fiżiku. Il-prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx għat-talba għall-ħelsien mill-arrest iżda talbet ordni ta’ protezzjoni.

Id-difiża ma kkontestatx il-validità tal-arrest, u talbet il-ħelsien mill-arrest għall-akkużat fuq il-fatt li l-akkużat qabel li jħalli r-residenza fejn toqgħod martu. L-avukat difensur Ilona Schembri qalet lill-Qorti li l-vittma avviċinat lill-akkużat hija stess minflok ikkalmat is-sitwazzjoni.

Ħu l-akkużat xehed fil-Qorti u offra lill-akkużat li joqgħod miegħu. Huwa qal lill-Qorti li jgħix f’residenza proprjetà ta’ min iħaddmu. “Kif tista’ toffrilu jgħix miegħek meta dan lanqas biss hija darek?” Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit qalet lil ħu l-akkużat.

Il-Maġistrat imbagħad staqsiet lill-avukati tal-akkużat jekk hemmx il-possibbiltà li huwa jgħix ma’ xi ħadd ieħor, u ġie ssuġġeriet ir-residenza tal-ġenituri tiegħu. Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest lill-akkużat kontra depożitu ta’ €5,000 u garanzija personali ta’ €8,000.

Il-Qorti imponiet ukoll numru ta’ kundizzjonijiet u saħqet li ma jistax javviċina, jew jikkuntattja lil martu bl-ebda mod. Ingħatat ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma u nħarġet ukoll projbizzjoni fuq il-pubblikazzjoni tal-ismijiet.

L-Ispettur Christian Cauchi mexxa l-prosekuzzjoni.