Id-dilettanti taċ-ċinema huma ħerqanin ħafna għall-erba’ films ġodda – u separati – dwar il-grupp leġġendarju The Beatles li għandhom joħorġu aktar tard dan ix-xahar.
Kull film għandu jiffoka fuq membru differenti tal-kwartett famuż – f’dan il-każ John Lennon, Paul McCartney, George Harrison u Ringo Star – b’kull film jirrakkonta storja mill-perspettivi differenti ta’ kull membru tal-grupp li, flimkien, kienu magħrufa bħala l-Fab Four.
L-istejjer, fl-istess ħin, huma relatati ma’ tema waħda u fihom jispikka l-element uman ta’ kull membru tal-Beatles, li bdew il-karriera tagħhom bħala grupp fi stabbiliment tax-xorb leġġendarju bl-isem The Cavern, u li hu bbażat f’Merseyside
Il-Beatles, intant, ma damux biex jiksbu suċċess wara l-ieħor fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku filwaqt li kisbu rikonoxximent bħala l-ewwel supergroup tal-mużika kontemporanja fl-era tas-sittinijiet – u liema fama għadha ħajja sal-lum.
Id-direttur Sam Mendes qal li l-films għandhom juru lill-membri tal-Beatles bħala erba’ żgħażagħ differenti ħafna minn xulxin – bil-produzzjonijiet jipprovdu opportunità tajba lid-dilettanti tal-mużika biex isiru jafu lill-Beatles aktar mill-qrib u anki bħala individwi.
Sadanittant, il-films ġodda jistgħu jitqiesu bħala kapitli separati u li, flimkien, jiffurmaw l-istorja ta’ grupp li bidel ix-xena tal-mużika għal dejjem. Grupp li kellu l-istess influwenza mad-dilettanti daqs il-kantant Amerikan – ukoll ikonu għal dak iż-żmien – Elvis Presley.
Intant, l-attur Paul Mescal se jinterpreta l-parti ta’ Paul McCartney waqt li Barry Keoghan ingħata r-rwol ta’ Ringo Starr, id-drummer tal-grupp.
Il-parti ta’ John Lennon – ir-ribell tal-grupp – ingħatat lill-attur Harris Dickinson waqt li l-parti ta’ George Harrison hi interpretata minn Joseph Quinn – magħruf aħjar għar-rwol tiegħu fil-film Fantastic Four tal-Marvel Comics.
Id-direttur Mendes u l-erba’ atturi prinċipali, sadanittant, issieħbu flimkien għall-promozzjoni tal-proġett waqt is-CinemaCon convention li sar ftit tas-sigħat ilu f’Las Vegas, fl-Istati Uniti.
//= $special ?>