mid-Deputat Nazzjonalista Graham Bencini
Shadow Minister għall-Finanzi
F’dawn l-aħħar snin, pajjiżna kien qed jaffaċċja numru ta’ sfidi kruċjali li jolqtu direttament il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini tagħna, bħal, pereżempju, il-qerda kontinwa tal-ambjent, l-impatt tat-traffiku fuq il-ħajja u s-saħħa tan-nies li dejjem qed jiżdied, l-għoli tal-ħajja, u d-degradazzjoni fis-sistemi edukattivi u s-servizzi tas-saħħa.
Minkejja dawn ir-realtajiet li jmissu l-ħajja ta’ kuljum, il-Gvern Malti, taħt it-tmexxija ta’ Robert Abela u l-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana, jidher li qed imexxi politika finanzjarja bbażata fuq self bla kontroll aktar milli fuq soluzzjonijiet strutturati għal problemi nazzjonali.
Skont ċifri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, id-dejn pubbliku ta’ Malta issa qabeż il-livell ta’ €10.9 biljun, l-ogħla livell li qatt ra pajjiżna fl-istorja tiegħu.
Meta Robert Abela ħa post Joseph Muscat fl-2020, id-dejn kien ftit iktar minn €5 biljun. Fi żmien ta’ ħames snin, il-Gvern preżenti rnexxielu aktar milli jirdoppja d-dejn tal-pajjiż, b’mod li jqajjem mistoqsijiet serji dwar kif dawn il-flejjes intefqu u x’seta’ nkiseb bihom.
Dan id-dejn mhux qed jintuża biex jitjiebu s-setturi tas-saħħa, is-settur edukattiv, l-ambjent jew it-traffiku, iżda spiss biex jiġi ffinanzjat nefqa rikorrenti mhux sostenibbli, fejn il-baġits jiġu ripetutament superati b’miljuni ta’ ewro kull sena.
F’din l-istess realtà, l-amministrazzjoni attwali kompliet tqassam direct orders b’mod sfaċċat lill-“ħbieb tal-ħbieb”, u tbiegħed ruħha mill-prinċipji ta’ trasparenza u governanza tajba.
Sal-aħħar ta’ Frar 2025, il-Gvern żied id-dejn tiegħu b’€859 miljun meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. Dan ifisser li f’sena waħda, il-Ministru tal-Finanzi għamel €2.35 miljun kuljum f’dejn ġdid.
Minkejja dan, ma rajniex titjib evidenti fl-infrastruttura pubblika, fis-servizzi soċjali jew fl-inizjattivi strateġiċi fuq skala nazzjonali. Dan id-dejn, f’dan il-kuntest, jidher li huwa frott ta’ politika ta’ nefqa reċessiva u mhux produttiva, fejn il-flejjes pubbliċi jintefqu mingħajr trasparenza jew rendikont.
Ebda titjib reali għall-familji
Fi Frar biss, il-Gvern nefaq €89 miljun aktar milli nefaq fi Frar tas-sena l-oħra, iżda dan it-tberbiq ma wassal l-ebda titjib reali għall-familji Maltin u Għawdxin.
It-tberbiq kontinwu wassal għal defiċit ta’ €95 miljun fl-ewwel xahrejn tas-sena, sinjal ċar li l-Gvern qed jonqos milli jikkontrolla l-finanzi tiegħu b’mod responsabbli. Dan it-telf strutturali jġib miegħu piżijiet addizzjonali fuq il-futur finanzjarju ta’ pajjiżna, speċjalment meta wieħed jikkunsidra l-imgħaxijiet li qed jitħallsu fuq dan id-dejn.
Dan l-andament finanzjarju irresponsabbli ħalla wkoll effett dirett fuq il-piż ta’ iinteressi li qed iġorr il-poplu. Illum, Malta qed tħallas madwar €710,000 kuljum f’interessi biss fuq id-dejn… flus li kieku setgħu jintużaw għal sptarijiet aħjar, edukazzjoni moderna, jew programmi soċjali li jgħinu lil min verament għandu bżonn.
Fost dan kollu, huwa importanti li nirrikonoxxu li l-iffirmar ta’ ftehimiet kollettivi ġodda huwa pass fid-direzzjoni t-tajba. Dawn il-ftehimiet jistgħu jtejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u jħeġġu stabbiltà fis-settur pubbliku.
Aħna nemmnu li ftehimiet bħal dawn jistgħu jitwettqu aħjar taħt tmexxija serja u responsabbli, fejn il-fondi pubblici jiġu ġestiti b’għaqal u l-prijoritajiet ikunu mibnija fuq ġustizzja soċjali u sostenibbiltà.
L-ambjent finanzjarju instabbli u l-governanza dgħajfa qed jolqtu wkoll is-sentiment fost l-investituri. Stħarriġ fost imprendituri lokali juri li Malta qed issir dejjem aktar inqas attraenti għall-investiment, partikolarment minħabba d-deterjorazzjoni tal-istabbiltà politika u regolatorja. Investituri barranin qed jagħżlu ġurisdizzjonijiet oħra b’aktar serjetà finanzjarja, filwaqt li n-negozji lokali qed jiffaċċjaw piżijiet dejjem jikbru.
Ir-realtà hi waħda. Din mhix biss problema finanzjarja, iżda kriżi ta’ tmexxija u viżjoni. Gvern serju kellu juża dawn is-snin biex jinvesti b’mod strateġiku, isaħħaħ is-sistemi ewlenin, u jibni fuq bażi finanzjarja soda. Minflok, Malta tinsab fi triq fejn il-ġid nazzjonali qed jintilef, il-futur qed jittiekel, u l-poplu qed jitħalla jġorr il-piż.
Sakemm ma jittiħdux passi konkreti għal reviżjoni ġenerali ta’ kif jintefqu l-fondi pubbliċi, għalfejn qed isir id-dejn, u kif dan qed iħalli impatt fuq il-poplu u l-ekonomija, Malta se tkompli tgħaddas lilha nnifisha f’ilma aktar fond – u l-ħruġ se jkun ħafna iktar diffiċli.