mid-Deputat Nazzjonalista Carmelo Mifsud Bonnici
Shadow Minister għar-Riforma Kostituzzjonali u d-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem
Forsi ftit aktar, jew l-istess, hemm mumenti fil-ħajja li fihom tieqaf tħares lejn dawk li kienu qabilna. Ħidmithom fis-setturi li ddedikaw u li b’xi mod baqgħu magħrufa. Ċertament il-kelma ‘magħrufa’ ma tfissirx neċessarjament li huma stmati ħafna, jew li wettqu opri tajba, imma huma dawk li effettivament jissemmew.
Issibhom f’dak li ma għandhomx ikunu u f’dak li mertu tagħhom id-dinja mxiet ’il quddiem. Ħidmet il-bniedem hija komplikata verament sija fid-direzzjonijiet li hu ried jieħu kif ukoll dak li oħrajn ħadu minħabba fih. Reazzjonijiet u azzjonijiet jingħaqdu f’daqqa. Ħafna drabi kollox jiddependi fuq dak li l-istoriċi jiktbu.
Storiċi
Fl-edukazzjoni li ħadna ġejna wkoll fortunatament esposti għal diversi suġġetti fosthom l-istorja. Nibqa’ grat lejn id-diversi għalliema li kelli li assiguraw li nsir naf b’ħafna u li kienu determinanti biex nibqa’ naqra wara li spiċċajt mill-bankijiet tal-iskola.
Illum forsi wkoll minħabba dan nista’ nkompli nħares lejn dawk li konna nħarsu lejhom b’ammirazzjoni jew inqas u nqishom mill-ġdid. Konna ġejna inevitabbilment ukoll influwenzati u wkoll kundizzjonati. Uħud tressqulna bħala eżempji oħrajn bħala għedewwa.
Fost dawn nimmarka fil-memorja sija lil Alessandru l-Kbir u Annibale. Wieħed mexxewna biex nammirawh ħafna, l-ieħor tant inqas. Qrajt dwar Alessandru (356-323QK) kotba varji li mexxa bi strateġija u intelliġenza. Tressqilna bħala mudell storiku, l-ieħor però le.
Fil-kitba
Dan il-punt missejt lura miegħu fih fi ktieb dedikat lit-tieni persunaġġ Annibale (247-181QK). Fih min kiteb l-introduzzjoni għalih Sergio Valzania (1951) jibda billi jiddikjara li ż-żewġ persuni li jitqiegħdu ħdejn xulxin fl-importanza u l-abbiltà huma propju dawn.
Hu jgħid: “So quindi che l’unico vero rivale che lui e’ disposto a riconoscere ad Annibale e’ Alessandro Magno.” (Naf li l-uniku veru rivali li huwa dispost li jaċċetta lil Annibale hu Alessandru l-Kbir) U jkompli hekk “A nessun conoscitore di storia militare sfugge la contiguità tecnica e culturale fra i due generali.” (Lill-ebda persuna mgħarfa fl-istorja militari ma taħrablu l-fatt tekniku u kulturali ta’ kemm dawn iż-żewġ ġenerali kienu viċin ta’ xulxin.) Ftit aktar minn dak li jiftaħ fil-ktejjeb tal-istoriku Giovanni Brizzi dwar is-suġġett.
Storiku magħruf
Madwarna, anki f’pajjiżna, għandna ħafna li jiktbu b’attenżjoni, dettal u riċerka assidwa. Waqt li taqra ssib fil-fatt min jiċċita diversi awturi li ħafna minnhom mhumiex tant magħrufa għalina. F’ċertu sens forsi wkoll waqafna mal-kbar u li ġejjin ukoll taħt zoni ta’ influwenza ta’ awturi li jiktbu fil-lingwa Ingliża. Biss hemm diversi oħrajn minn stati diversi li jimmeritaw verament attenzjoni.
Fost dawn sibt lil Giovanni Brizzi (1946) persuna li għamel żmien twil Professur tal-Istorja ta’ Ruma fl-Università ta’ Bologna. Bniedem li kiteb u studja sew is-suggett tant li hu kkunsidrat awtorità. Għandu f’dan lista twila ta’ kitbiet li ħaqqhom eżami propju għax jidħol f’dettal ferm aktar minn ta’ qablu. Mhux biss imma l-pinna tiegħu hija wkoll faċli mhux kumplikata, diretta u timxi mal-fatti.
Annibale
Hu kkunsidrat speċjalist fis-suġġett u f’dan għalhekk ġie f’idi dan il-ktieb tiegħu Annibale (2000), fejn fih hu jispjega punti li ma kinux għalija għad-dawl qabel. Anzi l-kitba fiha aktar valur għax jispjeghom propju għal dawk li kienu qed jisimgħu r-radju u għalhekk aktar difficili għalih kienet l-isfida biex ifiehem.
Jiddefendi tulu f’ħafna propju lil Annibale, dan il-gwerrier minn Kartaġni li kellu l-abbiltà kbira li jkun ta’ theddida vera għall-eżistenza, għall-istabbiltà u l-prosperità ta’ Ruma.
Jispjega kif dan il-bniedem sfortunatament tħalla f’dawl ikrah mill-istoriċi speċjalment dawk ‘pro-Rumani’ mentri oġġettivament ħaqqu ferm aktar mertu. Iqiegħdu fid-dawl storiku u wkoll fil-fortuni jew sfortuni tal-ħajja tiegħu. Imma l-aktar fl-għarfien tal-abbiltajiet strateġiċi fil-kamp tal-battalji.
Kemm drabi b’intelliġenza militari Ruma sofriet. Specjalment f’dik ta’ Canne (216QK) fejn ir-Repubblika laqtet telfa kiefra sew, waħda li kif nafu ma kinetx unika imma parti minn lista twila. Dan f’parti minn gwerra li minnha diversi tilfu ħajjithom u l-atroċitajiet ma naqsux.
Tagħlimiet
Il-ktieb huwa mimli informazzjoni utili. Jispjega l-intelligenza tal-Ġeneral Puniku u fl-istess il-formazzjoni kulturali li basktitu. F’dak iż-żmien aktar meta t-tliet ċentri tal-poter, tal-kultura u tal-kummerċ kienu Ruma, Kartaġni u l-Greċja.
Jispjega kif aġixxa militarment u x’kellha Ruma twettaq biex wara ħafna tikollu s-saħħa li kellu. L-istil tal-awtur huwa kif għedt mexxej u timxi minn mument għall-ieħor b’veloċità mingħajr ma tiddejjaq.
Għandu wkoll fl-aħħar żewġ kapitli dedikati biex wieħed janalizza l-effett tat-Tieni Gwerra Punika li damet għaddejja sbatax-il sena (218-201QK) fuq Ruma.
Interessanti u nistqarr laqtuni numru ta’ punti. Hu jikkonkludi li l-Istat f’Ruma nbidel f’unità aqwa. It-tieni li l-ekonomija mxiet aktar lejn il-kummerċ u baqgħet anqas marbuta mal-agrikoltura. It-tielet li s-Senat afferma ruħu bħala l-awtorità politika vera. Ir-raba’ li daħlu sistemi u tattiċi militari aktar effettivi li servewhom aktar ’il quddiem.
Kontra
L-awtur Brizzi jelenka però wkoll lista ferm itwal ta’ żvantaġġi u effetti negattivi li Ruma batiet. Fosthom il-bdil tal-kostumi u morali tat-tmexxija tal-poter. Ifakkar f’dawk fis-Senat li qamu għalxejn kontra l-linja l-ġdida tal-poter waqt li jfakkru kif kien il-komportament qabel “moris antiqui memores”. Fejn kjarament wara gwerra daqshekk devastanti l-valuri u l-prijoritajiet nbidlu fl-importanza tagħhom.
Mhux biss, imma l-awtur jagħraf aktar kemm il-ġlieda kienet kulturali. Fl-għarfien tal-ġlieda li għandha ssir fil-kamp politiku fejn l-ankra u l-boxxla tagħha tkun propju l-linja ta’ sens li tirrappreżenta. Politika mingħajr kultura ma fihiex sustanza.
Annibal kellu dan fih u propju għalhekk kien theddida vera u potenza Mediterranja qawwija. Punti li ċertament huma mill-aktar interessanti għal min irid iwettaq il-politika t-tajba. Bħalma huma dawk li jfakkruna li ħafna drabi ħidmet ta’ qabilna u tagħna jiddependu fuq min jikteb l-istorja.
Huwa t-trapass taż-żmien li jgħin biex wieħed jifhem aktar u f’aktar dawl u dettall. Huwa wkoll f’dan kollu l-qari li jwassalna biex niftħu aktar il-fruntieri tal-għerf. Dawk li jgħinuna jkunu punti utli ta’ riflessjoni fil-politika li għandna nassiguraw li nwettqu.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tlieta l-1 ta’ April, 2025.
//= $special ?>