Knisja Lokali

Patri Dijonisju Mintoff jagħlaq 94 sena

Fl-1 ta’ April, il-Patri Dijonisju Mintoff, il-fundatur tal-Laboratorju tal-Paċi, jagħlaq 94 sena. Patri Dijonisju Mintoff magħruf ukoll bħala Patri Dijonisju, ilu jmexxi l-Laboratorju tal-Paċi għal dawn l-aħħar 54 sena. Kien hu stess il-fundatur ta’ dan l-istess laboratorju. Kien wieħed minn dawk li mingħajr daqq ta’ trombi, mingħajr xinxilli, u mingħajr storbju, qabad u ta diversi zoni fil-Laboratorju tal-Paċi lil immigranti biex ikunu jistgħu jgħixu ħajithom.

Waħda mill-akbar okkażjonijiet għal Patri Dijonisju kienet meta f’pajjiżna ġie l-Papa Franġisku proprju bħal dan iż-żmien tliet snin, u hu żar il-Laboratorju tal-Paċi. Fi kliem Fr Dijonisju stess, il-Papa ħareġ jibki minn hemm. 

Iż-żjara ta’ Papa Franġisku fil-Laboratorju tal-Paċi m’hemm ebda dubju li kienet l-akbar avveniment għall-Papa Franġisku. L-aktar avveniment li hu stess kien qed jistennieh. Tant, li dam ħafna aktar minn kemm kien previst li jagħmel f’dan il-post. Dan ma seħħx b’kumbinazzjoni. Seħħ għax f’dan il-post il-Papa ra kif l-immigranti qed jingħataw id-dinjità.

“F’dan il-post l-indifferenza ma teżistix.  Dan hu post sempliċi għall-aħħar, ma jeżistux xinxilli, imma fih hemm il-paċi. Hemm is-sustanza. Tgħib kull tip ta’ differenza. Fuq kollox, dan hu l-post li fih tara li biex verament wieħed jagħmel il-ġustizzja soċjali jrid jgħix ma’ min ibati”.

Fid-diskors tiegħu l-Papa Franġisku rringrazzja lil Patri Dijonisju Mintoff, il-fundatur tal-Laboratorju tal-Paċi. Fid-diskors tiegħu l-Papa Franġisku jiddikjara wkoll li “għandna ngħidu grazzi kbira lil min aċċetta din l-isfida hawn f’Malta u ta l-ħajja lil dan iċ-Ċentru”.