Lokali

Peter Agius jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex taġixxi għall-moviment ħieles fis-settur tal-logħob online

L-Ewroparlamentari Malti Peter Agius talab lill-Kummissjoni Ewropea tieħu azzjoni immedjata biex tindirizza l-inkonsistenzi regolatorji u l-kunflitti legali li qed jiżdiedu fis-settur Ewropew tal-logħob online.

Peter Agius wissa li n-nuqqas ta’ azzjoni mill-Kummissjoni qed idgħajjef il-moviment ħieles tas-servizzi tal-logħob, qed jhedded l-impjiegi, u qed jippermetti prattiċi monopolistiċi għad-detriment tal-operaturi liċenzjati u l-protezzjoni tal-konsumatur.

“Il-libertà Ewropea ta’ moviment fis-servizzi tal-logħob online qed tintilef f’battalji legali u kunflitti bejn ġurisdizzjonijiet tal-qrati,” qal Agius. “Sa ftit snin ilu, il-Kummissjoni Ewropea kienet timponi prinċipju ta’ proporzjonalità u nondiskriminazzjoni fuq l-istati membri. Dan waqaf fl-2017 meta l-Kummissjoni rtirat u waqqfet il-proċeduri kollha ta’ ksur li kienu għaddejjin.”

Agius irrimarka dwar il-kawżi legali li għaddejjin bħalissa fl-Awstrija u l-Ġermanja, fejn sentenzi kunfliġġenti esponew il-vulnerabbiltà ta’ approċċ regolatorju mhux ikkoordinat. “Il-battibekki legali riċenti u l-kunflitti ta’ ġurisdizzjoni fil-qrati mill-offerenti li tilfu fl-Awstrija u l-Ġermanja kontra operaturi f’Malta juru li wasal iż-żmien biex il-Kummissjoni Ewropea terġa’ tieħu azzjoni urġenti sabiex tħares il-libertajiet tal-UE.”

Is-settur tal-logħob f’Malta, li jħaddem eluf ta’ ħaddiema u li għandu standards regolatorji u ta’ protezzjoni tal-konsumatur fost l-ogħla fl-Ewropa, qed jintlaqat b’mod partikolari minn dawn l-isfidi. “Qed naġixxi wara sejħiet li rċevejt minn diversi operaturi u r-rappreżentanti tagħhom f’Malta u fl-Ewropa billi nitlob lill-Viċi President Séjourné sabiex il-Kummissjoni tieħu azzjoni biex terġa’ tistabbilixxi l-libertajiet tas-suq intern fis-settur tal-logħob online. Din l-industrija tipprovdi eluf ta’ impjiegi ta’ kwalità f’Malta filwaqt li toffri għażla regolata bi standards għoljin ta’ protezzjoni għall-plejers. Il-konsumatur Ewropew għandu ħafna x’jiggwadanja minn suq regolat li jipproteġih mill-perikli tas-suq illegali.”

Peter Agius tenna wkoll is-sejħa tal-Parlament Ewropew għal regolamentazzjoni tal-finanzjament minn partijiet terzi tal-kawżi legali (TPLF), li qed jintuża fl-Ewropa sabiex jorganizza lil dawk li jitilfu l-offerti f’kawżi konġunti kontra l-operaturi Maltin. Din il-prattika trid tkun regolata biex jiġi evitat aktar abbuż ta’ nuqqasijiet legali għad-detriment tal-konsumaturi u n-negozji, jgħid Agius fl-ittra tiegħu.

Peter Agius temm billi enfasizza l-importanza li jiġu protetti l-industriji ta’ valur miżjud f’Malta, li jgħinu lill-ekonomija tersaq ’il bogħod minn mudelli ta’ tkabbir mhux sostenibbli lejn setturi b’livell għoli ta’ dħul bħall-gaming. “Malta trid tipproteġi u tgħin lill-industrija tal-logħob tagħha biex tiżgura sostenibbiltà ekonomika fit-tul u kompetittività. Il-Kummissjoni Ewropea trid taġixxi b’mod deċiżiv qabel ma jkun tard wisq,” temm jgħid Agius.