Vittma ta’ aggressjoni b’sikkina ħafret infermier li ta daqqiet ta’ sikkina fl-Isptae Mater Dei x-xahar li għadda. L-infermier ta’ 36 sena mill-Indja li jgħix il-Gżira, qed jiġi mixli li fl-Isptar ħebb għal kollega ta’ 41 sena, ukoll mill-Indja, b’sikkina li tintuża fl-operazzjonijiet.
U meta bdiet il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ infermier mill-Indja ta’ 36 sena akkużat li attakka b’sikkina lil ħabiba tiegħu, il-vittma telgħet fuq il-pedana tax-xhieda quddiem il-Maġistart Astrid May Grima u qalet li hi u l-akkużat għadhom ħbieb, tixtieq taħfirlu u twaqqaf il-każ kontrih waqt li qalet ukoll li ma tistax taħseb f’raġuni waħda għala l-akkużat ħebb għaliha bis-sikkina u kkaġunalha ġrieħi f’idha.
Meta l-prosekuzzjoni staqsiet dwar il-ġrieħi, l-infermiera spjegat li fil-parti ta’ fuq ta’ idha t-tobba għamlulha xi punti u aktar tard se jkollha bżonn il-fiżjoterapija għax sarilha ħsara fit-tendon. Xehed ukoll l-Ispettur Michael Vella dwar l-aggressjoni fejn qal li mill-investigazzjonijiet, il-Pulizija rriżultalha li l-akkużat u l-vittma jaħdmu fl-istess sala f’Mater Dei u ġieli ħarġu flimkien bħala ħbieb.
Qal li meta l-Pulizija tkellmu mal-mara qalet li meta spiċċat ix-xift tagħha marret iġġib il-ġakketta miċ-‘changing rooms’ u xħin daret sabet lill-imputat ma’ wiċċha u taha daqqtejn ta’ sikkina tal-isptar f’idha.
Meta l-Pulizija staqsew lill-vittma għalfejn ir-raġel kien ħebb għaliha wieġbet li ma tafx għax qatt ma kien hemm argumenti bejnithom. Ir-raġel kien ġie arrestat mir-residenza tiegħu fil-Gżira.
Fi tmiem il-kawża, il-Maġistrat Grima qalet li semġħet biżżejjed provi biex tqiegħed lill-akkużat taħt att ta’ akkuża biex jgħaddi ġuri.
Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużat iżda laqgħet it-talba li ressqet id-difiża biex jinħatar l-espert mediku Mario Scerri biex jeżamina lill-vittma u jistabbilixxi n-natura tal-ġrieħi tagħha u l-permanenza tagħhom.
//= $special ?>