Kultura Lokali

Wirjiet tal-Ġimgħa Mqaddsa fil-Każin tal-Banda San Filep f’Ħaż-Żebbuġ

Iż-żmien tal-Ġimgħa Mqaddsa jġib miegħu ħafna wirjiet mill-isbaħ, bil-Każin tal-Banda San Filep f’Ħaż-Żebbuġ b’numru ta’ wirjiet f’post wieħed.

Wirjiet b’tiżwiqa ta’ xogħlijiet artistiċi ppreżentati b’effetti viżivi u akkumpanjati minn kummentarji informattivi mtellgħin b’mod professjonali fuq disinn ta’ Alfred Camilleri Cauchi li ħadem ukoll it-tletin statwa kbira f’dawn il-wirjiet.

Li wieħed iżur dawn il-wirjiet isservi kemm ta’ esperjenza edukattiva, kulturali u kif ukoll reliġjuża.

Il-wirjiet tal-Ġimgħa l-Kbira ser ikunu mqassmin f’ħames sezzjonijiet differenti. Dawn ikunu ċ-Ċenaklu ppreparat b’ikel frisk skont ir-rit Lhudi, il-Kurċifissjoni li hija rappreżentazzjoni grandjuża kif ukoll spettakolari – xi ħaġa unika f’Malta u d-difna ta’ Kristu fil-qabar, ambjentata f’xelter awtentiku taħt l-art. Dawn it-tliet taqsimiet, kollha jinkludu fihom statwi lifesize maħdumin mill-Kav. Alfred Camilleri Cauchi. Ser ikun hemm ukoll sett ta’ vari żgħar kif ukoll Xeni mill-Via Crucis li jinkludu sett ta’ inkawdri oriġinali, maħdumin bi stil altoriljev, mill-artist Antonio Mifsud u ambjentati fil-kuridur wiesgħa tax-xelter.

Il-wirjiet ser jiġu inawgurati mis-Sindku ta’ Ħaż Żebbuġ, Steven Zammit Lupi nhar l-Erbgħa 9 ta’ April u jsegwi programm mużikali mill-Banda San Filep.

Il-ħinijiet ta’ ftuħ għall-pubbliku ser ikunu mill-Ġimgħa 11 sal-Ġimgħa 18 ta’ April, kuljum mis-18:00 sad-21:00 – bl-eċċezzjonijiet fil-ħinijiet ta’ ftuħ ikunu nhar Ħadd il-Palm 13 ta’ April fejn ser tiftaħ ukoll mill-10:00 sa 12:00, nhar Ħamis ix-Xirka fejn ser tkun miftuħa mis-18:00 sal-23:00 u nhar il-Ġimgħa l-Kbira mid-9am sas-13:00 u terġa’ tiftaħ wara l-purċissjoni sal-22:00.