Artiklu ta’ Charles Buttigieg f’In-Nazzjon
Għoxrin sena ilu, fit-2 ta’ April, 2005, miet il-Qaddis Papa Ġwanni Pawlu II. Huwa mar fid-Dar tal-Missier wara 14-il sena jbati ħafna mill-marda tal-Parkinson, li għalkemm ġegħlitu jsofri ħafna, hu qatt ma ried mediċini li jtaffulu l-uġigħ.
Dan ġie konfermat mit-Tabib Renato Buzzonetti, li kien it-tabib tiegħu mill-1978 sa mewtu. Dott. Buzzonetti qal li minkejja l-uġigħ kollu li kellu jiffaċċja f’ħajtu, speċjalment meta nħakem mill-Parkinson, li damet tnawwar fih mill-1991 sa ma miet, Ġwanni Pawlu II qatt ma talab sedattivi.
Karol Józef Wojtyła, li twieled Wadowice, il-Polonja, fit-18 ta’ Mejju, 1920, ġie elett Papa fis-16 ta’ Ottubru, 1978 u ħa l-isem ta’ Ġwanni Pawlu II.
Mal-elezzjoni tiegħu, kien hemm min iddeskrivieh bħala Papa li ġie mill-bogħod. Mhux l-aktar għax kien Papa Pollakk, iżjed u iżjed meta tqis li l-Polonja mhix daqstant bogħod minn Ruma, relattivament mad-daqs tad-dinja. Imma għaliex huwa kien Papa li kien daq sew il-morr kemm tan-Naziżmu kif ukoll tal-Komuniżmu.
Ħafna minn ħajtu bħala saċerdot, Ġwanni Pawlu II għexha f’Polonja maħkuma mis-sistema komunista. Mill-bidu nett kien saċerdot li riġlejh kienu sodi quddiem il-komuniżmu ‘bla Alla’. Il-mexxejja tal-Knisja fil-Polonja għarfu fih kwalitajiet partikolari. Beda tiela ’l fuq fil-ġerarkija Kattolika. Spikkat ħafna fih id-determinazzjoni li ma jagħmilx kompromessi mar-reġim komunista u lanqas ma jakkomodahom fir-rikjesti tagħhom.
Meta kien Arċisqof u aktar tard Kardinal ta’ Krakovja, fejn twieled, il-futur Papa ma kellux ħajja faċli. Biss huwa għaraf imexxi b’għaqal kbir. Lill-komuniżmu u r-ripressjoni tal-Gvern Komunista żammilhom sod. Fl-istess ħin, qagħad attent li ma jidħolx fin-nassa tagħhom b’xi sehem f’xi attività ta’ kontra l-Gvern. It-triq li għażel kienet dik li jinkuraġġixxi u jħeġġeġ aktar lealtà lejn il-Knisja Kattolika, waqt li mexxa ’l quddiem l-ideali tal-libertà. Kellu impatt qawwi man-nies. Iktar ma l-awtoritajiet ċivili kienu jippruvaw inaqqsu l-influwenza tiegħu, iktar kien isemma’ leħnu.
Meta ntgħażel mill-Kardinali bħala s-suċċessur tal-Papa Ġwanni Pawlu I, il-mexxejja tad-dinja komunista ta’ dak iż-żmien ħadu qatgħa kbira. Kont tifhimhom jekk tħares mil-lenti tagħhom. Issoponew x’seta’ jkun l-effett tiegħu bl-insistenza, li kien magħruf diġà għaliha, dwar id-drittijiet u d-dinjità tal-bniedem, kif ukoll il-fjamma tal-libertà li hemm fil-bniedem. Fil-fatt, Ġwanni Pawlu II kien Papa li għen ħafna biex il-komuniżmu ċeda quddiem l-insistenza tal-popli għall-ħelsien.
Għożża għall-poplu Malti
Fis-26 sena li dam imexxi l-Knisja Kattolika fid-dinja, Ġwanni Pawlu II għamel 104 vjaġġ pastorali internazzjonali. Meħudin flimkien, dawn il-vjaġġi kienu espressjoni tas-solleċitudni tiegħu bħala Suċċessur ta’ San Pietru, għall-Knisja kull fejn tinsab.
Huwa kien l-ewwel Papa li żar lil Malta. Kienet żjara storika li seħħet bejn is-27 u d-29 ta’ Mejju, 1990. Kienet żjara li żviluppat f’waħda mill-iktar okkażjonijiet li fihom il-poplu ta’ dawn il-gżejjer ħalla d-differenzi kollha fi ħdanu wara dahru, biex ingħaqadna lkoll qalb waħda miegħu. Kienet ukoll żjara li fiha Ġwanni Pawlu II daħal fi qlubna biex jibqa’ hemm għal dejjem, bħalma seħħ, tista’ tgħid, kull fejn mar fid-dinja.
Apparti li kien l-ewwel darba li ġie Papa fostna, tiġbidna b’qawwa kbira lejh kien hemm ukoll il-kariżma u l-kuraġġ eċċezzjonali tiegħu, flimkien mal-għożża partikolari li huwa kellu għall-poplu tagħna.
Ħafna żgur jiftakru ż-żmien tas-snin Tmenin meta r-relazzjonijiet bejn l-Istat u l-Knisja f’pajjiżna għaddew minn maltemp kbir minħabba l-mod li bih min kien qed imexxi l-pajjiż tefa’ għajnejh fuq l-iskejjel u l-proprjetà tal-Knisja f’dawn il-gżejjer. L-attenzjoni li Ġwanni Pawlu II kien jagħti lir-realtà iebsa li feġġet fi ħdan il-poplu tagħna f’dawk iż-żminijiet, kienet attenzjoni ta’ missier spiritwali impenjat biex iħabrek ħalli jinstabu s-soluzzjonijiet ġusti u fattibbli li kienu meħtieġa biex l-inkwiet jinħall u jseħħ is-sliem.
Ġwanni Pawlu II kien ilu jixtieq ħafna li jiġi Malta. Kien diġà mar prattikament f’kull naħa tad-dinja. Madankollu, minkejja li Malta hija l-Gżira ta’ Pawlu u tinsab fuq l-għatba tal-Italja, kien għadu ma ġiex fostna. Meta nħallu l-problemi fuq l-iskejjel u l-proprjetà tal-Knisja, infetaħ il-bieb biex din iż-żjara storika, mixtieqa ħafna wkoll mill-poplu tagħna, isseħħ.
Kienet festa pastorali mill-aqwa. Il-ġurnalisti barranin li ġew fostna baqgħu impressjonati ħafna. Ir-rappreżentant ta’ Il Mattino kiteb li l-Papa ġie milqugħ minn “gżira sħiħa f’festa” u “b’folla ta’ hosanna tul it-toroq kollha”. Dak tal-Corriere della Sera kiteb li Malta kienet f’eżultazzjoni. Il-korrispondent tal-Figaro sejjaħ it-52 siegħa li l-Papa dam f’Malta fl-1990 bħala “festa kontinwa taħt ix-xemx… spettaklu spontanju li ebda festival Mediterranju ma jirnexxilu qatt jipprogramma”.
Ir-rabta ta’ Ġwanni Pawlu II ma’ Malta u l-Maltin kompliet tissaħħaħ meta, fl-2001 inkluda lil Malta fi vjaġġ apostoliku ġubilari li huwa għamel fuq il-passi ta’ San Pawl. Wara li żar il-Grecja u s-Sirja, il-Papa ġie Malta, fejn dam 29 siegħa. Il-ġrajja reġgħet kienet waħda storika għaliex fiha ġew beatifikati l-ewwel tliet aħwa Maltin: Dun Ġorġ Preca (li fl-2007 ġie dikjarat qaddis), il-Kjeriku Nazju Falzon u Swor Maria Adeodata Pisani SDB.
Il-Papa li ġie fostna t-tieni darba ma kienx fl-istess stat ta’ saħħa ta’ meta ġie l-ewwel darba. Dan għaliex b’kuntrast ma’ 11-il sena qabel, meta minkejja l-attentat li sar fuq ħajtu fl-1981 Ġwanni Pawlu II kien irkupra l-ħeġġa u l-enerġija tiegħu, fit-tieni okkażjoni wasal fostna raġel mgħaffeġ mill-mard, għalkemm determinat li jkompli l-missjoni tiegħu.
Il-konkorrenza, l-imħabba u l-għożża li l-poplu f’dawn il-gżejjer wera lejn Ġwanni Pawlu II f’dik it-tieni żjara tiegħu fostna kienu xhieda ħajja ta’ kemm huwa verament kien daħal fil-fond fil-qalb tal-Maltin.
‘Qaddis Minnufih’
Il-mewt tal-Papa Ġwanni Pawlu, fit-2 ta’ April, 2005, nisslet diqa kbira mad-dinja kollha, iżda b’mod speċjali fost popli, bħal tagħna, li f’qalbhom kellhom niċċa speċjali għalih. Għad li, minħabba t-tbatija twila u kbira li kien qed jgħaddi minnhom, kien magħruf li t-tmiem ta’ ħajtu kien fil-qrib, l-aħbar ta’ mewtu sammret lil kulħadd xorta waħda.
Għall-folla enormi li attendiet għall-funeral tiegħu f’Ruma, kien ‘Qaddis Minnufih’. Dan għaliex fih in-nies raw xbieha ħajja ta’ Kristu, li tiegħu kien il-Vigarju fuq l-art. Fis-snin tiegħu fit-tmun tad-Dgħajsa ta’ Pietru, huwa kien ifarraġ, iħeġġeġ, jisma’, jifhem, jgħallem, iwiddeb, iħobb. Ħadem ukoll bis-sħih għar-rikonċiljazzjoni bejn il-bnedmin, għall-ġustizzja, kontra l-gwerra u favur il-paċi. Fl-istess ħin, is-salib tat-tbatija tiegħu fiżika, morali u spiritwali minħabba l-kefrija tal-marda li kellu, refgħu sal-aħħar.
Is-soltu, skont in-normi eżistenti tas-Santa Sede, kawża għall-beatifikazzjoni ta’ Qaddej ta’ Alla tibda wara li jgħaddu ħames snin minn mewtu. Biss kunsidrat il-fama kbira ta’ qdusija li l-Papa Ġwanni Pawlu II kien igawdi sa minn meta kien għadu ħaj, il-Papa Benedittu XVI, is-suċċessur tiegħu ħass li kien hemm raġunijiet biżżejjed biex jagħti dispensa pontifiċja ħalli l-kawża għall-beatifikazzjoni tiegħu tibda qabel jgħaddu l-ħames snin.
Virtujiet erojċi
Bejn Ġunju 2005 u April 2007 saru investigazzjonijiet dwar il-ħajja, il-virtujiet, il-fama tal-qdusija u l-mirakli tiegħu ta’ Ġwanni Pawlu II. L-investigazzjoni djoċesana prinċipali saret f’Ruma, imma saru wkoll investigazzjonijiet oħrajn f’għadd ta’ djoċesijiet oħrajn.
Il-validità ġuridika ta’ dawn il-proċessi tal-Knisja ġiet rikonoxxuta mill-Kongregazzjoni għall-Kawżi tal-Qaddisin b’digriet tal-4 ta’ Mejju, 2007. Imbagħad, f’Ġunju 2009, wara li eżaminaw dak kollu meħtieġ, disa’ teoloġi konsulturi tal-Kongregazzjoni esprimew il-ġudizzju favorevoli tagħhom dwar l-hekk imsejħa “natura erojka” tal-virtujiet ta’ Ġwanni Pawlu II.
Sussegwentement, f’Novembru ta’ wara, skont kif titlob il-proċedura, il-każ tressaq quddiem il-kardinali u l-isqfijiet tal-Kongregazzjoni għall-Kawżi tal-Qaddisin li taw l-approvazzjoni tagħhom. Dan kien segwit minn dikjarazzjoni tal-Papa Benedittu XVI, fid-19 ta’ Diċembru, 2009, li biha awtorizza l-ħruġ tad-digriet dwar il-virtujiet erojċi ta’ Ġwanni Pawlu II.
Fieqet mill-Parkinson
It-triq kompliet meta l-postulatur tal-kawża għall-beatifikazzjoni ta’ Ġwanni Pawlu II stieden lill-Kongregazzjoni għall-Kawżi tal-Qaddisin biex teżamina l-fejqan mill-marda tal-Parksinon – l-istess marda li kellu Ġwanni Pawlu II – tas-soru Marie Simon Pierre Normand, reliġjuża tal-Institut des Petites Soeurs des Maternites Catholiques.
Kif isir is-soltu, l-atti voluminużi tal-investigazzjoni li saret dwar dan il-fejqan skont il-liġijiet tal-Knisja, flimkien mar-rapporti dettaljati li ħejjew esperti mediċi u legali, fil-21 ta’ Ottubru, 2010 tressqu biex jiġu eżaminati mill-konsulturi mediċi tal-Kongregazzjoni tal-Kawżi tal-Qaddisin. L-esperti tal-Kongregazzjoni, wara li studjaw b’reqqa sħiħa x-xhieda u d-dokumentazzjoni kollha bil-mod skrupluż ta’ dejjem, ħarġu dikjarazzjoni fejn qalu li huma jaqblu lin-natura tal-fejqan kienet waħda li ma tistax tiġi spjegata xjentifikament.
Ir-rapport tal-esperti mediċi ngħata lill-konsulturi teoloġiċi li, wara evalwazzjoni teoloġika, fl-14 ta’ Diċembru 2010, iddikjaraw unanimament, bl-iktar mod ċar, li l-fejqan prodiġjuż konċernat kien sar wara li ntalbet unikament l-interċessjoni ta’ Ġwanni Pawlu II u din l-interċessjoni tiegħu kienet effettiva.
Inqas minn xahar wara, fil-11 ta’ Jannar 2011, f’laqgħa ordinarja li kellhom, il-kardinali u l-isqfijiet tal-Kongregazzjoni għall-Kawżi tal-Qaddisin approvaw unanimament dikjarazzjoni fejn stqarrew li huma jemmnu li l-fejqan tas-soru Marie Simon Pierre kien wieħed mirakoluż, li sar minn Alla b’mod xjentifikament inspjegabbli wara l-interċessjoni tal-Papa Ġwanni Pawlu II, kif talbitu b’fiduċja sħiħa Sr Simon stess u wkoll ħafna nies oħrajn.
Għażla sinifikattiva
L-għażla tal-jum tal-beatifikazzjoni tal-Papa Ġwanni Pawlu II, l-1 ta’ Mejju, 2011, kienet sinifikattiva ħafna. Intgħażel Jum il-Ħniena Divina, għaliex Ġwanni Pawlu II miet jum biss qabel iċ-ċelebrazzjoni ta’ Jum il-Ħniena Divina tal-2005. Dik is-sena, din iċ-ċelebrazzjoni ħabtet fit-3 ta’ April. Id-data tinbidel minn sena għal oħra, imma hija dejjem l-ewwel Ħadd wara l-Għid il-Kbir.
Dan il-jum kien ta’ importanza partikolari fil-ħajja ta’ Ġwanni Pawlu II, għaliex kien proprju fl-ewwel Ħadd wara l-Għid tas-sena 2000 li huwa ċċelebra l-kanonizzazzjoni ta’ Swor Faustina Kowalska u ddikjara li l-Ħadd wara l-Għid għandu jibqa’ jiġi ċelebrat bħala l-Ħadd tal-Ħniena Divina.
Swor Faustina kienet magħrufa għall-ħidma tagħha biex tixtered id-devozzjoni lejn il-Ħniena Divina. Fl-istess ħin, il-Ħniena Divina kienet assolutament għożża fundamentali għall-pontifikat tal-Papa Ġwanni Pawlu II.
Fl-1 ta’ Mejju, 2011, dakinhar li Ġwanni Pawlu II ġie beatifikat, seħħ fejqan ieħor mirakoluż bl-interċessjoni tiegħu. Dan wassal lill-Papa Franġisku biex nhar it-28 ta’ April 2014, jikkanonizza lil Ġwanni Pawlu II, flimkien mal-Papa Ġwanni XXIII, il-Papa li ta lill-Knisja l-Konċilju Vatikan, II bir-riformi kbar li ġab miegħu skont is-sinjali taż-żminijiet.
