Mario de Marco, PN
Id-Deputat Nazzjonalista Mario de Marco qal fil-Parlament li l-benefiċċji mit-turiżmu mhux qed imorru l-iktar għand il-ħaddiema Maltin iżda għand il-barranin.
Id-Deputat Nazzjonalist Mario de Marco qal li s-sena li għaddiet kienet sena pożittiva kif il-pajjiż kellu mill-2007 ‘l hawn ħlief għal xi snin eċċezzjoni minħabba l-kriżi internazzjonali u l-COVID. Is-sena li għaddiet ġew tliet miljun turist, żieda ta’ 19% fuq is-sena li għaddiet. It-total ta’ ljieli kien 23 miljun lejl; żieda ta’ 13% fuq is-sena ta’ qabel.
Hu kompla li dan ma jfissirx li kollox hu ward u zahar f’dan il-qasam u jeħtieġ issir analiżi tal-isfidi li għandu l-pajjiż minħabba li n-nefqa tat-turiżmu baqgħet stabbli għal ħames snin fl-ammont ta’ €900.
Dan juri tnaqqis fin-nefqa tat-turisti u juri wkoll għalhekk li l-iskop tal-gvern li jattira turiżmu tal-kwalità qed jonqos. Is-sena li għaddiet minkejja ż-żieda fit-turżmu, l-okkupanza f’lukandi ta’ 5 stilet kienet 2% inqas waqt li f’dawk ta’ erba’ stilel kienet ta’ 1% tal-okkupanza preċedenti. Jirriżulta li 40% tat-turisti mhux qed joqogħdu fil-lukandi iżda f’akkomodazzjoni privata.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li fix-xejriet tat-turisti li jiġu Malta, jirriżulta li l-ikbar żieda hi ta’ dawk it-turisti li huma taħt l-24 sena u dawk li huma f’etajiet ikbar.
Jeħtieġ li l-pajjiż ikollu strateġija ċara dwar fejn it-turiżmu jrid imur. Minn studju li sar jirriżulta li l-MTA approvat 13,000 kamra ġdida li se jżidu 27,000 sodda oħra fil-pajjiż. Dan ifisser li s-sodod eżistenti se jiżdiedu b’70% fil-pajjiż, li 36% minnhom jinsabu f’lukandi ta’ ħames stilel, 28% f’lukandi ta’ erba’ stilel u 129% żieda f’lukandi ta’ tliet stilel u 160% żieda f’guest houses. 47% tal-kmamar ġodda approvati huma fi propjetajiet ta’ inqas minn 50 kamra.
It-turisti jridu jiżdiedu għal 4.8 miljun kull sena biex dawn il-postijiet jimtlew. Minkejja ż-żieda fit-turisti fl-aħħar snin, fis-settur hemm 3,000 Malti jaħdem u 8,000 ħaddiem barranin biex 60% tal-ħaddiema huma ħaddiem barranin minn barra l-UE. Dan ifisser li minkejja t-tkabbir tal-industrija, il-benefiċċji mhumiex joħduhom il-Maltin.
Hu qal li t-turiżmu jikkaġuna pressjonijiet fuq l-infrastruttura u kompla li kważi nofs it-turisti li jiġu jużaw linja partikolari tal-ajru low cost. Dan hu perikoluż għaliex il-pajjiż qed jiġi jiddependi minn din il-linja tal-ajru waqt li qed jirriżultaw diffikultajiet fil-linja KM li l-gvern qed irrifjuta li jippubblika l-kontijiet finanzjarji tagħha, sostna Mario de Marco.