mill-Professur Tonio Borg
Eks Kummissarju Ewropew
Fil-ħajja politika, Ġorġ Borg Olivier kellu magħmudija tan-nar. Taħt il-Kostituzzjoni tal-1939 kienu eletti għall-PN Nerik Mizzi li fl-1940 ġie nternat; Sir Ugo Mifsud li meta fl-1942 ġie deportat Mizzi ħassu ħażin fil-Kunsill tal-Gvern u miet ftit wara; u Borg Olivier li vvota kontra il-liġi li tawtorizza d-diportazzjoni ta’ Maltin minn Malta.
Ta’ 31 sena vvota b’division f’kull stadju tal-abbozz li wara ġie dikajrat invalidu, iżda l-internati baqgħu illegalment eżiljati.
Wara l-gwerra, minkejja l-eżilju, il-PN irnexxielu jtella’ Deputat minn kull distrett. Il-politika bdiet tiżviluppa b’mod stramb u b’waqtiet li ma tistennihomx. Il-qasma fil-Partit Laburista fl-1949 wasslet biex il-PN sar l-ikbar partit fl-elezzjoni tas-sena ta’ wara. Ġara li Nerik Mizzi miet tliet xhur wara – l-uniku Prim Ministru li miet fil-kariga – u sar Prim Ministru Ġorġ Borg Olivier wara li l-eżekuttiv qabel li jsir kap.
Fattur importanti li wieħed ma jistax jinjora jew jiċħad kienet l-astuzja ta’ moħħ Borg Olivier u l-abbilità li kien jaf jistenna. Ma ddejjaqx jagħmel koalizzjoni darbtejn, fl-1951 u fl-1953, mal-partit ta’ Boffa. Taħtu, il-PN dejjem żied il-persentaġġ tal-voti fl-elezzjonijiet, anki meta tilef.
Dan għamlu billi wessa l-appell tal-Partit, abbanduna kull ħjiel ta’ kwistjoni tal-lingwa u rċieva fi ħdan il-Partit forzi u eletturi li sa ftit snin qabel, speċjalment qabel il-gwerra, kienu feroċi kontra l-PN. Dan għamlu b’għaqal kbir mingħajr ma ċaħad il-wirt ta’ onestà u idealiżmu ta’ Nerik Mizzi.
Il-ġlieda kontra l-integration
Kien il-forza prinċipali (1955-58) fil-ġlieda kontra l-integration. Waqt li meetings Nazzjonalisti kienu jiġu attakkati u sfrattati b’tixjir ta’ bnadar Ingliżi u waqt l-Ingilterra kienet kburija li l-kolonji kollha kienu qed jitilquha, Malta kienet qed tagħmel bil-maqlub. Riedet tersaq iktar viċin lejha u Borg Olivier, minkejja t-tentazzjonijiet li offrewlu u li l-ktieb ta’ Michael Caruana jsemmi, iġġelidha fuq bażi ta’ prinċipju li l-pajjiż mhux għal bejgħ.
Meta l-integration ma rnexxitx u ġiet abbandunata, Borg Olivier ma ħalliex lill-Inglizi jużawh u rrifjuta li jifforma Gvern meta Mintoff irriżenja. Dwar dan kien hemm qasma ta’ parti żgħira tal-Partit bil-ħolqien tal-Partit Demokratiku Nazzjonalista.
Il-quċċata tal-karriera politika tiegħu, Borg Olivier laħaqha meta ġab l-Indipendenza għal pajjiżna. Ma kenitx – kif uħud jipprovaw ipinġuha – xi ħaġa faċli. L-Ingliżi ma ridux jitilfu bażi navali importanti u Borg Olivier bl-għaqal politiku tiegħu u anki biex iressaq is-sentiment Malti pro-Ingliż favurih, aċċetta trattat ta’ difiża flimkien mal-Indipendenza u li r-Reġina tar-Renju Unit tkun ukoll il-kap tal-istat ta’ Malta Indipendenti bħall-Jamiaca, l-Awstralja u New Zealand.
Michael Caruana kellu l-vantaġġ li kien fil-Partit meta Borg Olivier kien kap. Kien inewwillu korrispondenza, dokumenti u tesseri ġodda tal-Partit u josservah minn ġewwa kif jaħdem. Jien ftit ilħaqtu għax dħalt fil-PN ta’ 17-il sena meta kien Kap hu. Kellu ċerta kariżma u meta tkun fil-presenza tiegħu kien jagħtik l-attenzjoni meħtieġa. Meta ġie ż-żmien tal-bidla – kif jirrakonta Michael Caruana – Borg Olivier aċċetta l-inevitabbli. Jien attendejt l-ewwel Kunsill Ġenerali tiegħi ta’ 19-il sena proprju meta għaddiet il-mozzjoni għall-ħatra ta’ Kap Suċċessur.
Il-ktieb jirrakonta laqgħa tal-Grupp Parlamentari li saret wara l-elezzjoni tal-1976 fejn ġie miftiehem ma’ Borg Olivier li jsir dak il-proċess ta’ transizzjoni.
Il-PN kellu żewġ kapjijiet li servewh għal 27 sena: Borg Olivier (1950-77) u Eddie Fenech Adami (1977-2004). Mhux faċli tħalli r-riedni f’idejn ħaddieħor u l-proċess ta’ Kap Suċċessur ħalla perijodu ta’ transizzjoni bejn Diċembru 1976 u April 1977 biex kollox isir bil-kalma u l-ordni. Dan l-aspett iddeskrivih tajjeb Michael Caruana.
Fl-aħħar tliet snin ta’ ħajtu (1977-80) Borg Olivier baqa’ Deputat fil-Parlament u, meta seta’, attenda l-attivitajiet tal-PN. Meta miet, il-funeral tiegħu baqa’ memorabbli. Dan ukoll hu deskritt tajjeb fil-ktieb ta’ Michael Caruana. Kien funeral “popolari” biż-żgħażagħ fuq quddiemnett jakkumpanjawh mill-Belt saċ-ċimiterju tal-Addolorata. Ħuh tar-rispett, Dun Eddie Borg Olivier, qal fil-prietka (u għadni niftakar il-kliem tiegħu għax jien ukoll kont hemm) li ħuh qallu biex ma jagħmlux ħafna għaġeb u funeral kbir meta jmut u Dun Eddie wieġbu li “l-funerali ta’ nies bħalu jagħmilhom il-poplu u ħadd ma kellu kontroll fuq daqshekk.” Kliem li twettqu quddiem għajnejna f’Novembru 1980.
Borg Olivier kien protagonist fl-istorja ta’ pajjiżna. Għex fi żminijiet oħra meta pajjiżna kien kolonja. Iggverna lil pajjiżna fi żmien delikat.
L-awtur tana ktieb li jiġbor intervisti, artikli u esperjenzi personali marbuta ma’ Borg Olivier. Ktieb li għandu isib postu f’kull librerija ta’ min iħobb l-istorja ta’ pajjiżna
Il-ktieb ‘Ġorġ Borg Olivier: Il-Bniedem, il-Politiku, il-Missier
ta’ Malta Indipendenti’ stampat mill-ġdid
B’talba ġenerali l-Partit Nazzjonalista stampa għat-tieni darba l-ktieb ‘ĠORĠ BORG OLIVIER: Il-Bniedem, il-Politiku, il-Missier ta’ Malta Indipendenti’.
Il-ktieb kien stampat l-ewwel darba lejn tmiem is-sena li għaddiet fl-okkażjoni tas-60 Anniversarju mill-kisba tal-Indipendenza għal Malta u nbiegħ kollu fi ftit żmien. Minħabba d-domanda li kellu, il-Partit Nazzjonalista ddeċieda li jerġa’ jistampah għat-tieni darba, iżda f’numru limitat ta’ kopji.
Għaldaqstant, dawk li diġà ordnaw u ħallsu l-kopja tagħhom huma mitluba jmorru jiġbru l-ktieb mir-reception tad-Dar Ċentrali tal-PN fil-ħinijiet tal-uffiċċju u jieħdu magħhom l-irċevuta. Dawk li għadhom ma xtrawx kopja ta’ dan il-ktieb, li jagħti ġieħ lil Ġorġ Borg Olivier bħala politiku u statista li wassal lil pajjiżna biex isir Stat Sovran u Indipendenti, huma mitluba jirrikorru wkoll id-Dar Ċentrali tal-PN u jakkwistaw il-kopja tagħhom għal donazzjoni ta’ €25.
Mistoqsi x’wassal biex il-ktieb inbiegħ kollu f’perjodu relattivament qasir, l-awtur tal-ktieb Michael Caruana qal li dak li għamel interessanti l-kitba tiegħu huma l-aneddoti u l-esperjenzi ta’ familjari, ta’ nies li ħadmu miegħu fil-Partit u fil-Gvern u ta’ storiċi u opinjonisti, inklużi nies mill-Partit Laburista, li hu żied biex isostni l-istorja magħrufa.
Dan hu l-aħħar ċans biex ikollok kopja tal-ktieb ‘ĠORĠ BORG OLIVIER: Il-Bniedem, il-Politiku, il-Missier ta’ Malta Indipendenti’.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 30 ta’ Marzu, 2025.