Lokali

Myriam Spiteri Debono fl-ewwel sena fil-kariga ta’ President ta’ Malta

Accept Analitiċi cookies to view the content.

“Il-Presidenti kollha ta’ qabli kellhom l-istil tagħhom… jien jekk hemm il-ħtieġa li nitkellem ser nitkellem”

Sostniet dan il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono waqt il-programm ‘Spotlight’ fuq Net Television ippreżentat minn Chayenne Riolo, f’għeluq is-sena tagħha fl-ogħla kariga tal-pajjjiż.

Il-President ta’ Malta saħqet li din kienet sena impenjattiva mmens filwaqt li nsistiet li l-esperjenzi tal-ħajja għenuha sabiex tkun tista’ taqdi dmirha bħala Kap tal-Istat bl-aħjar mod possibbli.

Hi rrimarkat li mhux dejjem faċli li tesprimi dak li verament tħoss minħabba t-toqol tal-pożizzjoni. Madanakollu, għandha d-dover li fejn hemm bżonn issemma’ leħinha.

Il-President ta’ Malta qalet li kull politiku għandu r-responsabbiltà li jkun ta’ eżempju anke sabiex din l-apatija fost iż-żgħażagħ tibda bil-mod il-mod tonqos – anke għaliex iż-żgħażagħ huma l-mexxejja futuri ta’ dan il-pajjiż.

Hi tkellmet ukoll fuq kif il-politiċi minn ċertu aspett huma wkoll edukaturi wkoll, u b’hekk għandhom ir-responsabbilità li fejn jaraw il-ħażin mhux biss jaħarbuh iżda jkunu huma li jixprunaw il-bidla meħtieġa.

Myriam Spiteri Debono għalqet billi saħqet li l-poplu Malti huwa poplu ġeneruż, bl-ambizzjonijiet tiegħu li trasformaw matul iż-żmien. Minn poplu kolonjalizzat għal poplu sovran li dejjem qed ifittex aktar il-kwalità fil-ħajja tiegħu.

Il-President tar-Repubblika sellmet ukoll il-ġenerożità tal-poplu Malti filwaqt li fl-aħħar appell tagħha hi sostniet li jekk kull wieħed minna jagħmel dak li hu mistenni minnu, mingħajr ebda favuri, ikollna dejjem aktar pajjiż li l-aspirazzjonijiet tiegħu jibqgħu dejjem ikbar miċ-ċokon ta’ gżiritna.