Futbol Sport

Multa għal Żabbar St Patrick u Mosta; it-tnaqqis ta’ tliet punti huma sospiżi sal-aħħar tal-istaġun

Ritratt ta' Joseph Galea
Ritratt ta' Joseph Galea

Żabbar St Patrick u Mosta, iż-żewġ klabbs li nhar is-Sibt li għadda lejn l-aħħar u wara l-konfront ta’ bejnithom mill-11-il ġurnata tal-Closing Round, kienu involuti f’inċidenti bejnithom, instabu ħatja mill-Bord tal-Kontroll, Dixxiplina u Etika u inħarġu l-akkużi fil-konfront tagħhom.

Fi stqarrija maħruġa mil-MFA, wara li l-bieraħ filgħaxija instema’ b’urġenza dan il-każ, iż-żewġ klabbs rispettivi kienu mmultati €5,000 kull wieħed, flimkien ma’ tnaqqis ta’ tliet punti, liema tnaqqis qegħdin jiġu sospiżi sa’ tmiem l-istaġun kurrenti, f’każ ta’ reati simili.

Id-deċiżjoni, hija suġġetta għal appell quddiem il-Bord tal-Appell mill-partijiet. 

Matul is-smigħ ta’ din il-kawża, Żabbar St Patrick kienu rappreżentati minn Dr Kevin Deguara filwaqt li Mosta kellhom lil Dr Adrian Delia bħala l-avukat tagħhom.

Aktar kmieni din il-ġimgħa, f’rapport tal-Kummissarju tad-Dixxiplina, li jinħareġ kull ġimgħa, tħabbru s-sospensjonijiet fuq numru ta’ plejers u uffiċjali taż-żewġ klabbs rispettivi.

Żabbar St Patrick se jkunu mingħajr numru ta’ plejers għall-partiti li ġejjin fejn fost l-oħrajn il-kowċ Aniello Parisi ġie sospiż sal-1 ta’ Mejju 2025 filwaqt li l-goalkeeper Justin Haber ġie sospiż għal ħames partiti. Felix Bonilha u Kristian Keqi ġew sospiżi tliet partiti kull wieħed filwaqt li Strahinja Jovancic ġie sospiż żewġ partiti. Vinicius weħel partita waħda.

L-uffiċjali ta’ Żabbar St Patrick Andre Quiroga u Anthony Farrugia ġew sospiżi sal-1 ta’ Awwissu 2025 u l-1 ta’ Novembru 2025 rispettivament.

Intant, l-attakkant ta’ Mosta, Prince Chibuzor weħel żewġ partiti filwaqt li l-uffiċjal ta’ Mosta, Tryone Farrugia ġie sospiż sal-1 ta’ April tal-2026. Minn naħa l-oħra Adrian Farrugia ġie sospiż erba’ partiti.