Il-fergħa estremista tal-Partit Laburista spiċċat tattakka bl-aħrax lill-investigaturi li fl-aħħar xhur irnexxielhom jiftħu t-telefown ċellulari tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat. Dan wara li ma kienx tahom il-password, u kellu jsir proċess sħiħ biex dan il-mobile infetaħ.
Iżda wara li l-investigaturi irnexxielhom, indunaw illi l-iPhone ta’ Joseph Muscat ġie mħassar ġimgħat qabel għamlu rejd fid-dar tiegħu.
L-espert tal-Qorti Keith Cutajar xehed fil-Qorti li l-eks Mexxej Laburista għamel darbtejn tfittxija fuq Google dwar kif wieħed iħassar backup chats fuq Whatsapp.
Iżda wara li ħarġu dawn il-fatti, il-magna taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista u l-estremisti tal-Labour bdew jużaw lil Neville Gafà u l-blog tiegħu sabiex jattakka l-prosekuturi – partikolarment lill-espert tal-Qorti. U qallu li bix-xhieda tiegħu prova jkisser lil Muscat bis-sensazzjonaliżmu.
Gafà kiteb li Keith Cutajar “mhux se jibqa’ jqumlu” meta jara ismu miktub fil-portals. U allega li hu kiser il-protezzjoni tad-data fil-konfront ta’ Muscat; sempliċiment għaliex ixxandret il-password tal-mobile tiegħu – li kellu PIN number 227488.
Keith Cutajar kien xehed li 35gb tad-data li tħassru ġew irkuprati. Is-software u l-irkupru tad-data mbagħad intuża biex tiġi rkuprata informazzjoni rilevanti oħra mħassra.
Cutajar ippreżenta rapport fl-apparat ta’ Muscat bħala parti minn każ kriminali kontrih.
Muscat u diversi persuni oħrajn qed jiffaċċjaw akkużi ta’ ħasil ta’ flus, korruzzjoni, u tixħim b’rabta mal-ftehim frawdolenti tal-isptarijiet. Il-mobile ta’ Muscat kien ġie ‘reseted; fit-28 ta’ Diċembru 2021. U fid-19 ta’ Jannar, tliet ġimgħat wara, saret tfittxija fid-dar tal-familja Muscat f’Burmarrad.
//= $special ?>