Gvern ġdid Nazzjonalista jkollu pjan ekonomiku ċar li jagħti direzzjoni lil pajjiżna. Dan il-pjan ikollu wkoll miri ċari li jindirizzaw il-kriżi tat-traffiku u l-problemi tat-trasport f’pajjiżna. Din hija d-differenza ċara bejn iż-żewġ partiti: Gvern Laburista bla direzzjoni u Partit Nazzjonalista li għaddej bi proċess ta’ konsultazzjoni biex ifassal pjan ċar li jagħti s-serħan il-moħħ lill-poplu Malti u Għawdxi li huwa mxennaq għall-bidla.
Waqt laqgħa ta’ diskussjoni dwar il-kriżi tat-traffiku u t-trasport li saret dalgħodu bis-sehem ta’ għadd kbir ta’ stakeholders f’dan is-settur, fi Ġnien l-Istazzjon f’Birkirkara, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fakkar li l-wegħda tal-metrò issa taret mar-riħ, waqt li b’dawn il-miżuri, il-Gvern qabad il-problema minn sieqha għaliex huwa inutli li tinċentiva lin-nies biex jitilqu l-karozza tagħhom jekk ma tagħtihomx alternattiva effiċjenti bħalma hija sistema ta’ trasport tal-massa.
Bernard Grech qal li tant ma saritx konsultazzjoni serja qabel ma tħabbru dawn il-miżuri li, wara pressjoni kemm mill-Oppożizzjoni u anke mid-dilettanti, il-Gvern kellu jirtira l-miżura dwar il-karozzi klassiċi. Il-Gvern induna wkoll li żbalja meta qal li se jingħata inċentiv lil min iċedi l-liċenzja tal-karozza – biex imbagħad beda jgħid li persuna trid iċċedi kemm il-liċenzja tal-karozza kif ukoll dik tas-sewqan.
Fuq kollox, saħaq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, dawn il-miżuri proposti mill-Gvern lanqas biss jippruvaw jindirizzaw l-għerq tal-problema tat-traffiku f’pajjiżna – l-isplużjoni fil-popolazzjoni li ħoloq il-Gvern stess.
Għall-kuntrarju, Gvern ġdid Nazzjonalista jindirizza l-problema mill-għeruq billi jnaqqas il-bżonn tan-nies li jużaw il-karozza tagħhom. Il-miżuri li se jkun qed iwettaq Gvern ġdid Nazzjonalista biex jitnaqqsu l-karozzi mit-toroq, u allura jonqos it-traffiku, jinkludu:
- bidla fil-mudell ekonomiku biex ma nibqgħux niddependu minn żieda fil-popolazzjoni
- investiment f’sistema ta’ trasport tal-massa wara li jsiru l-istudji meħtieġa li tkun implimentata fl-ewwel sentejn
- ix-xogħlijiet fit-toroq isiru b’mod ippjanat biex ma jinħolqux konġestjonijiet
- meta triq tinqala’, ix-xogħol fuq it-triq isir b’mod li ma jkollhiex għalfejn terġa’ tinqala’ wara ftit
- inċentivi ta’ taxxa għal kumpaniji li joffru remote working għall-impjegati tagħhom
- investiment f’infrastruttura għaċ-ċikliżmu u liġijiet li jipproteġu aktar lis-sewwieqa tar-roti u l-muturi
- konnessjonijiet diretti tal-linja għall-Università, l-MCAST u l-Higher Secondary
Biex tissaħħaħ il-konnettività bejn Malta u Għawdex, Bernard Grech tenna l-impenn ta’ Gvern ġdid Nazzjonalista li jintroduċi erba’ vapuri ġodda u l-ħames vapur li jkun iddedikat għat-trasport tal-merkanzija. Dan minbarra t-tisħiħ tal-Portijiet tal-Imġarr u ċ-Ċirkewwa.
Bernard Grech fakkar li r-riforma li għamel il-Gvern fis-settur tal-Y Plates wasslet biex in-numru ta’ Y Plates jirduppjaw u għal abbuż kbir tar-regoli f’dan is-settur mingħajr ebda tip ta’ infurzar mill-Gvern.
Matul l-attività organizzata mill-Partit Nazzjonalista, tkellmu numru ta’ kelliema li spjegaw aspetti varji li qed iwasslu għall-kriżi tat-traffiku u l-problema tat-trasport f’pajjiżna. Fost l-aspetti importanti diskussi kien hemm is-settur tal-Y Plates u l-White Taxis, l-aċċessibiltà għall-persuni b’diżabbiltà u l-ħtieġa ta’ pjan ta’ azzjoni fuq livell nazzjonali li jindirizza s-sigurtà fit-toroq

Ritratti: Catriel Farrugia Sghendo