Il-Partit Nazzjonalista jissieħeb mal-isportivi kollha u jsellem il-memorja ta’ Willie Vassallo, ikona tal-futbol Malti u figura li ħalliet impatt fuq il-futbol u l-qasam sportiv lokali.
L-aħbar tal-mewt ta’ dan l-eks midfielder leġġendarju Malti hija telfa kbira għall-isport u l-futbol Malti.
Imma Willie Vassallo – li ħalla din id-dinja fl-età ta’ 75 sena fl-Awstralja – jibqa’ mfakkar mhux biss għat-talenti sportivi tiegħu, iżda wkoll għall-passjoni, id-dixxiplina u l-impenn bla qies li wera kemm bħala plejer f’Malta kif ukoll barra minn xtutna.
Fi stqarrija, David Agius, ix-Shadow Minister għall-Fondi Ewropej u Sport; u Christian Micallef il-President Tim Sport Partit Nazzjonalist; qalu li minn kmieni fil-karriera tiegħu, Vassallo wera li għandu l-potenzjal li jsir wieħed mill-aqwa plejers ta’ kull żmien. Wara li beda l-karriera tiegħu mat-tim tal-minors ta’ Gżira United, Vassallo ngħaqad ma’ Floriana FC fejn kiseb suċċess wara l-ieħor: ħames kampjonati, tliet FA Trophies, u diversi unuri oħra. Fl-istaġun 1973/74, ingħata wkoll l-unur prestiġjuż tal-Plejer tas-Sena mill-MFA.
Bħala plejer internazzjonali, libes il-flokk ta’ Malta 31 darba u skorja darbtejn – fi żmien meta l-partiti internazzjonali kienu ferm inqas minn kemm huma llum. Vassallo serva wkoll bħala Captain kemm ta’ Floriana FC imma wkoll tat-tim nazzjonali Malti tal-futbol.
Aktar tard fil-karriera tiegħu, kompla jilgħab mal-klabb Green Gully SC fl-Awstralja, fejn eventwalment għażel li jissetilja.
Il-Partit Nazzjonalista jibgħat il-kondoljanzi lill-familja ta’ Willie Vassallo, lill-ħbieb tiegħu, u lill-komunità sportiva kollha.
//= $special ?>