Editorjal Lokali

L-istqarrija stupida tal-Labour biex jipprova jqajjem lill-votanti hardcore tiegħu – The Malta Independent on Sunday

Hemm raġuni waħda biss għaliex il-Partit Laburista ħareġ stqarrija stupida tard wara nofsinhar f’Jum il-Ħelsien – biex jipprova jqajjem lill-votanti hardcore tal-Labour.

Hekk iddikjara l-editur tal-Independent dwar din l-istqarrija li ħarġet eżatt qabel is-6pm, meta l-kmamar tal-aħbarijiet irċevew email mill-Partit Laburista li kkundannat lill-Kap tal-Oppożizzjoni.

Iżda l-Malta Independent fakkret li ftit wara l-avveniment fuq il-Monument tal-Ħelsien fil-Birgu, id-Dipartiment tal-Informazzjoni – li huwa l-oraklu tal-gvern, kien ħareġ stqarrija għall-istampa b’ritratti jakkumpanjawha; jgħidu li l-Kap tal-Oppożizzjoni kien rappreżentat fiċ-ċerimonja mid-Deputat tal-PN David Agius.

Il-ġurnal qal li allura dan ifisser li ma kien hemm l-ebda bojkott tal-avveniment mill-Kap tal-Oppożizzjoni. Kieku kien hemm bojkott, l-Oppożizzjoni ma kinitx tkun rappreżentata fiċ-ċerimonja. La minn Bernard Grech u lanqas mir-rappreżentant tiegħu.

Bi tweġiba, il-Partit Nazzjonalista qal li Bernard Grech kellu impenji oħra fil-ġurnata u kien bagħat lil David Agius biex ikun hemm f’ismu. Wara kollox sostna l-PN, il-Prim Ministru Robert Abela kien għamel l-istess ħaġa fl-2022 meta ma setax jattendi għaċ-ċerimonja uffiċjali.

The Malta Independent on Sunday qalet li dan l-attakk mil-Labour kien sempliċiment tad-daħk. Bil-gazzetta issaqsi għaliex il-Partit Laburista ħareġ dik l-istqarrija stupida f’Jum il-Ħelsien? L-intenzjoni kienet biss li tinċita lill-għeruq tal-Partit.