Dalgħodu tħabbret il-mewt ta’ wieħed mill-aqwa plejers ta’ kull żmien fil-futbol Malti, Willie Vassallo fl-etá ta’ 75 sena. Vassallo twieled il-Gżira u sa minn ċkunitu, hu mal-ewwel kien juri li għandu talent kbir fil-logħba. Għalkemm Vassallo hu meqjus bħala wieħed mill-akbar ikoni ta’ Floriana, hu kien beda jilgħab l-ewwel mat-tim tal-minors ta’ Gżira United.
Ta’ 17-il sena, Vassallo kien laqgħat l-għajn tal-kowċ ta’ dak iż-żmien ta’ Floriana, Lolly Borg; b’dan tal-aħħar sa minn dejjem kien meqjus bħala wieħed mill-aqwa individwi li kellu għajn mill-aqwa fl-identifikazzjoni tat-talent tal-plejers żgħażagħ Maltin. Kien għalhekk li Floriana, f’nofs is-snin 60, iffirmaw lil Vassallo.
M’hemmx dubju li Vassallo kien wieħed mill-aqwa plejers ta’ nofs il-grawnd li qatt kellha Malta. L-unuri li rebaħ, huma konferma tal-karriera brillanti li kellu f’Malta bħala plejer, qabel eventwalment fl-1978, Vassallo kien ħa d-deċiżjoni li jemigra lejn l-Awstralja fejn hemmhekk kompla jilgħab il-futbol ma’ Green Gully SC.
Bħala plejer ta’ Floriana, Vassallo rebaħ xejn inqas minn ħames Kampjonati, tliet darbiet l-FA Trophy u unuri oħra fosthom it-Tazza tal-Indipendenza, is-Sons of Malta Cup, Testaferata Cup u l-Christmas Cup.
Fl-istaġun 1973/74, Vassallo rebaħ l-unur tal-plejer tas-sena tal-MFA.
Fiż-żmien meta l-partiti mat-tim nazzjonali Malti kienu bil-wisq inqas minn kemm jilagħbu llum kull sena, Vassallo lagħab 31 darba bil-flokk ta’ Malta u skorja darbtejn.
Vassallo miet l-Awstralja, fejn kien baqa’ jgħix hemm wara li hu u l-familja tiegħu kienu emigraw. Madankollu, Vassallo kien spiss jiġi Malta, fejn baqa’ f’kuntatt regolari mal-pleljers li lagħab magħhom f’Malta, speċjalment dawk ta’ Floriana.
//= $special ?>