Lokali

Tiġi fi tmiemha b’suċċess il-maratona minn Miguel Mifsud

Bernard Grech jawgura lil Miguel għas-suċċess tiegħu f'din il-maratona b'għan nobbli

Miguel Mifsud lesta b’suċċess il-maratona ta’ 100 mil ta’ ġiri li wettaq b’risq il-Caritas Malta.

Il-maratona bdiet is-Sibt fil-11 ta’ filgħodu fit-trakka tal-Mediterranean College of Sport u ġiet fi tmiemha madwar 24 siegħa wara li beda din il-ġirja.

Ftit minuti biss qabel beda din l-isfida, Miguel u t-tim tiegħu għamlu minuta silenzju b’memorja għal Monsinjur Victor Grech.

Matul il-ġurnata u l-lejl numru ta’ persuni ngħaqdu ma’ Miguel permezz tal-mixi jew tal-ġiri fit-trakka fejn għamlu parti minn din il-maratona miegħu. Fi tmiem din il-maratona, Miguel Mifsud kellu udjenza tinkoraġġih għal din l-isfida u ċerimonja tal-okkażjoni.

Fost dawk li żaruh kien hemm il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech u x-Shadow Minister tal-Isport David Agius li awgurawlu tas-suċċess għal din il-maratona filwaqt li tkellmu miegħu dwar l-aspettattivi għall-futur sabiex ikompli jgħin lil persuni li jbatu minn xi vizzju.

Fil-passat, Miguel kien għamel żmien ta’ riabilitazzjoni fiċ-Ċentru Terapewtiku ta’ San Blas biex jikseb ħajtu lura minn dipendenza ta’ numru ta’ snin fuq sustanza. U huwa għal dan l-iskop li fl-aħħar snin wettaq numru ta’ sfidi f’għajnuna għal Caritas Malta u biex iqajjem kuxjenza favur ħajja sana ’l bogħod mid-droga u biex wara kollox jagħmlu kuraġġ lil dawk li bħalissa huma maħkumin minn xi vizzju.

Ritratti: Catriel Farrugia Sghendo