Formula 1 Sport

Verstappen jirbaħ l-ewwel Grand Prix dan l-istaġun f’Suzuka fil-Ġappun

Ritratt: EPA

Iċ-champion tal-Formula 1 Max Verstappen rebaħ l-ewwel Grand Prix tiegħu dan l-istaġun fiċ-ċirkwit ta’ Suzuka fil-Ġappun.

Verstappen wera l-abbiltà tiegħu fil-Grand Prix biex għeleb l-isfida tas-sewwieqa ta’ McLaren, Lando Norris u Oscar Piastri. Din ir-rebħa poġġietu punt biss wara Norris fil-klassifika tas-sewwieqa.

Il-mument deċiżiv tal-Grand Prix wasal fit-22 dawra meta kemm Verstappen kif ukoll Norris daħlu għal ‘pit stop’ fl-istess ħin, b’riżultat li t-tnejn li huma ħarġu ħdejn xulxin, b’Lando Norris jispiċċa fuq il-ħaxix. Norris qal li kien imġiegħel jitla’ fuq il-ħaxix minn Verstappen, iżda madanakollu l-uffiċjali tat-tellieqa ddeċidew li ma jinvestigawx l-episodju.

Fir-raba’ post temm Charles Leclerc ta’ Ferrari segwit minn George Russell fil-ħames post u Kimi Antonelli, li temm fis-sitt post. Lewis Hamilton temm fis-seba’ post b’Isak Hadjar ta’ Redbull itemm fit-tmien post, b’Alex Albon ta’ Williams u Oliver Bearman ta’ Haas itemmu fid-disa’ u fl-għaxar post rispettivament.

Intant is-sewwieq Ġappuniż Yuki Tsunoda ma rnexxilux jikkapitalizza fuq is-sapport li kellu f’pajjiżu stess biex temm fit-12-il post, wara Fernando Alonso.