Żewġ Maltin ġew arrestati mill-Pulizija Maltija b’rabta ma’ operazzjoni internazzjonali
ikkordinata mill-Europol, bħala parti mill-akbar operazzjoni li qatt saret mill-Europol fil-ġlieda
kontra l-isfruttament sesswali tat-tfal online.
Permezz ta’ “Operation Stream”, li rat is-sehem ta’ korpi minn aktar minn 35 pajjiż madwar id-dinja, fosthom il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta, ġew identifikati mal-1,400 suspettat minn madwar id-dinja, u s’issa ġew arrestati 79 individwu, fosthom 2 f’Malta.
Fi Frar illi għadda, il-Pulizija Maltija rċeviet informazzjoni mill-Europol li żewġ Maltin
allegatament xtraw u tellgħu materjal fuq waħda mill-akbar pjattaforma online tal-pedofelija
fid-dinja, bl-isem ta’ “KidFlix”.
Wara li ġew identifikati ż-żewġ Maltin, f’operazzjoni konġunta internazzjonali, dawn ġew
arrestati f’Malta, fl-10 ta’ Marzu u minn tfittxijiet li saru ġew sekwestrati apparat u materjal
fejn jidħol sfruttament sesswali tat-tfal online. Wieħed mill-irġiel ta’ 27 sena tressaq il-Qorti
u ammetta għall-akkużi miġjuba kontrih, waqt li ieħor, ta’ 26 sena, mistenni jitressaq il-Qorti
fil-ġranet li ġejjin.
Waqt “Operation Stream”, ġew ikkonfiskati aktar minn 3,000 apparat eletroniku minn
madwar id-dinja, u d-79 individwu li ġew arrestati, qed jiġu investigati talli qassmu materjal
ta’ abbuż sesswali fuq it-tfal, fejn uħud minnhom, mhux biss tellgħu u raw filmati, iżda wkoll
allegatament abbużaw mit-tfal online. L-investigazzjonijiet madwar id-dinja għadhom
għaddejjin.