Lokali

Żieda fl-installazzjoni ta’ kameras quddiem sitwazzjoni ta’ ħallelin li qed jiżgassaw id-djar

Fl-aħħar xhur żdied it-tħassib tar-residenti f’pajjiżna tant li kien hemm żieda għall-installazzjoni ta’ kameras kemm fuq barra u anke fuq ġewwa tar-residenza quddiem sitwazzjonijiet ta’ żgass minn ħallelin.

Numru ta’ lokalitajiet, fosthom il-Madliena, San Pawl tat-Tarġa, Ħal Lija u Ħal Balzan raw diversi ħallelin li żgassaw djar ta’ residenti b’riżultat li din is-sitwazzjoni kkawżat biża’ fost in-nies.

Kumpaniji li jbigħu kameras tas-CCTV u apparat ieħor għas-sigurtà tar-resident tkellmu mat-Times of Malta fejn spjegaw kif l-interess għall-installazzjoni ta’ dan l-apparat żdied sew fl-aħħar ftit xhur. B’kumpanija partikolari saħansitra tirraporta żieda ta’ 40% fil-bejgħ tagħha.

Jidher li l-ħallelin qed jidħlu fid-djar meta jaraw li l-apparat ikun mitfi għaliex ir-residenti jkunu fi djarhom. U f’każ minnhom, familja ta’ sebgħa rrealizzaw li ġew misruqa sigħat wara li seħħet din is-serqa wara li nnutaw li kien hemm xi ġojjellerija nieqsa minn kamra tas-sodda.

Dan qed iqajjem tħassib u biża’ li l-ħallelin kapaċi qed josservaw lill-individwi minn ġimgħat qabel iwettqu s-serqa. B’uħud jinstallaw kameras ġodda u oħrajn jagħmlu manutenzjoni lill-apparat li diġa’ għandhom installat.

Il-Pulizija kkonfermaw li fl-aħħar ġimgħa ta’ Frar biss ġew irrapurtati ħames serqiet; fis-Swieqi, il-Mosta, San Ġwann, in-Naxxar u l-Mellieħa. Mhux magħruf jekk sarux arresti b’rabta ma’ dawn il-każijiet.

Quddiem dawn is-sitwazzjonijiet, diversi residenti qed jingħaqdu flimkien permezz ta’ Whatsapp group sabiex ikunu jistgħu jikkomunikaw bejniethom f’każ ta’ xi suspett.

Is-sena l-oħra, Europol kienu ħarġu rapport li poġġa lil Malta fost l-ewwel ħames pajjiżi li huma affetwati minn kriminalità organizzata li twassal għas-serq. L-aħħar li kien hawn dan l-ammont ta’ serq minn residenzi privati kien fis-sajf tal-2018. B’din iż-żieda mill-ġdid f’dawn l-aħħar xhur wasslet biex il-Pulizija żżid is-sorveljanza tagħha f’numru ta’ lokalitajiet wara li diversi ħallelin dehru fuq kameras tas-CCTV.