Lokali

6 snin wara: Bosta jsellmu l-memorja ta’ Lassana Cisse

F’għeluq is-6 sena mill-qtil ta’ Lassana Cisse kienu bosta li pparteċipaw f’logħba football – sport li kien għal qalb ħafna Lassana Cisse.

Il-logħba football, li saret il-Ħadd, kienet organizzata minn Moviment Graffitti bil-għan li tiġġedded il-memorja ta’ dan ir-raġel li nqatel brutalment 6 snin ilu.

Lura fis-6 ta’ April tal-2019, Lassana Cisse, li kien migrant, kien maqtul f’Birżebbuġa – allegatament minn żewġ suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta li ma kenux fuq xogħol f’dan il-ħin. Inċident li ħalla żewġ persuni oħra feruti.

Fi stqarrija, Moviment Graffitti spjegat li dan ma kienx inċident iżolat, imma wieħed li ntuża’ sabiex jiżra’ l-biża’ u jifred il-komunitajiet. Attakk li huwa meqjus bħala wieħed razzist.

Intant, Moviment Graffitti appellaw għall-urġenza li pajjiżna jeħtieġ jaffaċċja l-pjaga tar-razziżmu u għaldaqstant appellaw ukoll għall-kontabbiltà fil-qtil ta’ Lassana u kull vjolenza instigata mir-razziżmu, riforma istituzzjonali fl-istrutturi tal-iStat, u t-tmiem ta’ retorika li tinstiga l-vjolenza u r-razziżmu.

Huma appellaw ukoll għall-ġustizzja b’rabta ma’ dan il-każ.