Colin Schembri
Athleta AtoZ 57
Luxol Bolt 45
(16-10)(8-13)(14-13)(19-9)
Athleta AtoZ rebħu l-kampjonat Pisani Motoring School ta’ taħt is-16-il sena tal-irġiel b’rebħa ta’ 57-45 fuq Luxol Bolt, fit-tieni u deċiżiva logħba tas-serje finali. Kienet wirja determinata u organizzata mit-tim ta’ Isaac Xuereb, li bbaża r-rebħa fuq difiża aggressiva, pressjoni kostanti u eżekuzzjoni aktar effiċjenti fl-aħħar taqsima.
Wara logħba bilanċjata għal tliet sessjonijiet, Athleta għamlu differenza fl-aħħar taqsima, fejn għamlu run ta’ 11-2 fl-aħħar ħames minuti biex żammew kontroll sa tmiem il-logħba. Uni Vallat kien il-protagonist b’23 punt u 9 rebounds, waqt li De Flavia u Cauchi Carter taw kontribut prezzjuż kemm fl-attakk kif ukoll fil-ħidma difensiva.
Ħarsa lejn l-istatistika turi li Athleta ħarġu rebbieħa f’diversi setturi: 35 punt minn turnovers, 24 punt minn fast breaks u kontribuzzjoni b’saħħitha mill-bank (21 punt kontra 8 ta’ Luxol). Minkejja l-isforzi ta’ Jake Godhwani u Hector Montane Rivier, Luxol ma setgħux ilaħħqu mal-intensità ta’ Athleta u sofrew minn nuqqas ta’ preċiżjoni b’26% fil-field goals.
Il-logħba fetħet b’mod tajjeb għall-Athleta, li bdew b’run ta’ 6-0 b’punti minn Uni Vallat u Esprit Cauchi Carter. Luxol irrispondew permezz ta’ Matjevic, Godhwani u Lacin, u rnexxielhom anke jmorru fuq quddiem 7-6, iżda Athleta reġgħu ħadu l-vantaġġ u temmew l-ewwel sessjoni 16-10.
Fit-tieni sessjoni, Luxol wettqu rimonta u għal darb’oħra rnexxielhom imorru minn fuq 20-19 wara baskets minn Cummins, Godhwani u free throws ta’ Csengeri. Athleta baqgħu viċin, u Micallef għamel basket fl-aħħar 5 sekondi biex reġgħu daħlu fil-mistrieħ minn fuq 24-23.
It-tielet perjodu kien wieħed mill-aktar bilanċjat tal-logħba, b’De Flavia jiftaħ b’żewġ three-pointers u Vallat iżid l-iskor. Luxol wieġbu b’punti minn Godhwani, Matjevic u Gabriele li poġġewhom fuq quddiem 34-33, iżda Athleta malajr wieġbu b’baskets oħra minn Micallef u Vallat biex temmew is-sessjoni fuq vantaġġ ta’ 38-36.
L-aħħar taqsima fetħet bill-punti ta’ Cauchi Carter u Felici b’ Matjevic iwieġeb bi trippla flimkien ma’ basket ta’ Lacin biex Luxol naqqsu d-distakk għal punt 44-43. Minn hemm ‘il quddiem, però, Athleta għamlu run ta’ 13-2 li effettivament għelbet kull tentattiv ta’ reazzjoni minn Luxol. Uni Vallat sab il-basket b’mod konsistenti mill-fast breaks u Micallef għalaq il-logħba bl-aħħar basket għal skor finali ta’ 57-45.
Fi tmiem il-partita Jonathan Pisani f’isem Pisani Motoring School ippreżenta t-trofew lil captain ta’ Athleta Nathan Muscat fost il-ferħ tal-partitarji tagħhom li baqa’ sejjer sa tard filgħaxija f’Ta’ Qali.
Athleta AtoZ: Isaac Jo Micallef 10, David Mifsud 2, Luca Manicaro 1, Nathan Muscat, Kyle Abela, Matias De Flavia 8, Simone Napolitano 3, Uni Vallat 23, Esprit Cauchi Carter 2, Miguel Felici 4, Thomas Cauchi Carter 4, Max Busuttil.
Luxol Bolt: Levente Csengeri 2, Aleksander Matijevic 10, Jack Gabriele 4, Hector Montane Rivier 6, Thomas Cummins 3, Jake Godhwani 10, Luke Fenech, Max Camilleri, Kerem Lacin 10.
Referees: Bernard Vassallo, Nicky Azzopardi, Wendell Lim
//= $special ?>