Stephen Spiteri, PN
Id-Deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri qal fil-parlament li jeħtieġ li ma nitilfux is-saħħa tan-nies bid-droga qabel ikun tard wisq.
Stephen Spiteri qal li dawn l-emendi qed jitressqu għaliex il-problemi żdiedu tant li anki qed ikun problemi ta’ studenti anki fl-iskejjel.
Il-problema tat-tkabbir legali fid-djar hi kbira u ma tistax tkun kontrollata, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li l-regolamentazzjoni għandha tkun imtejba biex jitnaqqas l-abbuż u biex jitnaqqas l-insult ta’ min ma jagħtix każ dak li jkun qed jgħix ħdejh.
Stephen Spiteri kompla li qabel daħlet il-liġi dwar il-kannabis rikreattiva l-gvern kien għadda l-liġi dwar il-kannabis mediċinali u qal li hemm differenza kbira bejn dawn iż-żewġ setturi fejn fil-kannabis mediċinali hemm kontrolli neċessarji.
Id-deputat Nazzjonalista qal li fl-użu tal-kannabis rikreazzjonali misshom ittieħdu miżuri iktar għaliex wara ftit xhur l-liġi kellha tkun emendata.
L-infurzar irid ikun wieħed effettiv, sostna Stephen Spiteri, li kompla li l-liġijiet għandhom jipproteġu lis-soċjetà. Filwaqt li semma’ lit-tfal u l-adoloxxenti, Stephen Spiteri tratta l-problemi fuq il-postijiet tax-xogħol u l-perikli li dawn is-sitwazzjonijiet iġibu magħhom.
Is-sitwazzjoni għandha tevita effetti ta’ ħsara fuq il-persuna li qed tuża s-sustanza u anki lil dawk ta’ madwar. Hu fakkar fil-problemi fis-saħħa fuq dawk li jibilgħu d-dħaħen tas-sigaretti u qal li ma jistax ikun li ma ssirx diskussjoni dwar l-effetti tad-droga fl-istess kuntest.
Jeħtieġ li d-diskussjoni ma tkunx fuq tnaqqis tal-problema tad-droga iżda li l-effetti tal-problema jitneħħew. Is-soċjetà għandu jkollha kampanja qawwija ta’ edukazzjoni biex is-soċjetà tkun informata tajjeb dwar dawn il-problemi.
Stephen Spiteri kompla li hemm differenza bejn l-abbuż u l-użu u spjega li l-abbuż jitfa’ f’keffa oħra lill-persuni. Hemm ukoll l-abbuż ta’ meta persuna tħajjar oħra biex tibda tuża d-droga, sostna Stephen Spiteri, li qal li jeħtieġ li jkun hemm miżuri effettivi biex ma ssirx ħsara fis-soċjetà, biex juża d-droga ma jkunx inċentivat u biex titħares is-saħħa tal-poplu; jeħtieġ li din ma tintilifx.
//= $special ?>